Filmat: Bżonn ta’ konsultazzjoni qabel jittieħdu deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq l-impjiegi

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li huwa meħtieġ li jkun hemm konsultazzjoni qabel ma jittieħdu ċerti deċiżjonijiet li jħallu mpatt fuq l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Il-Ministru qal dan waqt li kien qiegħed jindirizza lill-Ministri tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Politika Soċjali dwar il-parteċipazzjoni tax-xogħol u l-appoġġ għall-ħaddiema f’din il-fażi ta’ riġenerazzjoni.

Il-Ministru spjega li matul il-pandemija, metodi ta’ informazzjoni u konsultazzjoni ġew adattati mir-rappreżentanti ta’ min iħaddem, minn min iħaddem u mir-regolatur sabiex jiġi żgurat li l-impjegati jibqgħu infurmati dwar kwalunkwe żvilupp ġdid. Żied li f’każijiet fejn ir-regolatur, fid-dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol (DIER), sab ksur ta’ drittijiet bħal dawn, ittieħdet azzjoni immedjatament.

Il-Ministru Abela fid-diskors tiegħu qal li permezz ta’ komunikazzjoni effettiva u immedjata ħafna impjiegi ġew salvati. Huwa saħaq li li għandu jkun hemm djalogu soċjali bejn il-unjins u l-korpi ta’ min iħaddem flimkien mal-Gvern u l-prospettiva proattiva min-naħat kollha.

Waqt din il-konsultazzjoni ġie diskuss ukoll ir-rabta bejn it-taħriġ tal-impjegati u r-riġenerazzjoni tal-ekonomiji. Il-Ministru qal li l-investiment f’forza tas-sengħa jeħtieġ li jkun ir-rispons tal-politika ċentrali tal-UE. Dan jippermetti suq tax-xogħol mgħammar aħjar li jista’ jaġġusta għal xejriet makro-ekonomiċi futuri. Semma li l-istati membri għandu jkollhom aċċess għal baġits li jistgħu jiġu investiti fuq it-titjib tal-ħiliet u l-ħiliet mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tagħhom.