Filmat: Bżonn ta’ għajnuna psikosoċjali lill-priġunieri – Il-President

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca żaret il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Hija qalet li l-Presidenza ilha dawn l-aħħar xhur f’diskussjoni ma’ tliet NGOs u mat-tmexxija tal-ħabs biex jaraw x’inhuma l-bżonnijiet tal-vittmi, tal-priġunieri u l-familjari tagħhom.
Qalet li mat-tmexxija tal-ħabs saret diskussjoni kif l-NGOs, Rise, Mid-Dlam għad-Dawl u l-Prison Fellowship ikollhom sehem iżjed qawwi fir-riforma tal-priġunieri.
Il-President Coleiro Preca enfasizzat fuq il-ħtieġa ta’ iżjed għajnuna psikosoċjali lill-priġunieri sabiex meta joħorġu mill-ħabs jintegraw lura fis-soċjetà.
Fil-preżent fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm 590 priġunier u sfortunatament 43% minn dawk li joħorġu, jerġgħu jispiċċaw fil-ħabs.
Il-President ta’ Malta qalet li hawn rieda ta’ bidla fil-ħabs u proċess sħiħ ta’ riformi u inizjattivi għall-għajnuna psikosoċjali.
Iddeskriviet kif il-Malta Community Chest Fund jgħin lin-nies fil-faqar u ħafna drabi wkoll lill-familjari tal-priġunieri li jispiċċaw fil-faqar.
Qalet li mhux l-ewwel darba li kien hemm każi ta’ priġunieri li meta joħorġu mill-ħabs jispiċċaw b’xejn.
Fr Franco Fenech, id-Direttur Spiritwali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qal li f’dawn iż-żminijiet tal-Milied jsiru attivitajiet soċjali u spiritwali għall-priġunieri filwaqt li l-viżti mal-qraba ikunu iktar fit-tul.  
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill