Filmat: “Bżonn ta’ aktar professjonisti fl-għaqdiet volontarji” – Kenneth Wain

Waħda mill-akbar problemi li l-għaqdiet volontarji jaffaċjaw hija l-ġbir tal-fondi.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, il-Professur Kenneth Wain, spjega li biex tingħeleb din il-problema, hemm bżonn li dawn l-għaqdiet jitmexxew minn nies professjonali.
Kenneth Wain qal li l-għaqdiet volontarji, speċjalment dawk żgħar, għandhom jingħataw aktar għajnuna biex ikunu mmexija b’mod aktar professjonali. Spjega li hawn għaqdiet li l-kumitati tagħhom la għandhom statut u lanqas iżommu minuti tal-laqgħat.
Dwar min hu l-aktar involut fl-għaqdiet volontarji, il-Kummissarju qal li hemm nuqqas ta’ żgħażagħ u anzjani involuti.
Il-Professur qal li f’Malta hemm bżonn jikber aktar l-għarfien dwar il-vantaġġi tal-volontarjat għal dawk involuti fih.
Semma kif barra s-sodisfazzjon li taħdem fuq proġetti li għandhom valur soċjali, il-volontarjat jagħlmek diversi ħiliet li se tużahom fil-ħajja.
Dwar l-anzjani, Kenneth Wain qal li hemm bżonn ta’ aktar publiċità biex l-anzjani jibdew jaraw lilhom infushom bħala riżorsa. Żied li l-anzjani jridu jikkunsidraw li meta jinvolvu ruħhom fil-volontarjat ikunu qed jagħtu sens ġdid lil ħajjithom.
Il-Kummissarju tkellem ukoll dwar is-sens ta’ avventura fiż-żgħażagħ. Qal li ma jdejqux il-fatt li ż-żgħażagħ jidħlu għall-volontarjat b’avventura għax fl-aħħar mill-aħħar xorta se sservi ta’ esperjenza għalihom.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjoni Volontarji twaqqaf fl-2007 bil-għan li jippromovi l-volontarjat. Jaħdem ukoll biex ikun hemm trasparenza u ħidma effettiva tal-għaqdiet li jvarjaw minn każini tal-baned, għal għaqdiet sportivi, soċjali u oħrajn ferm akbar.