Filmat: “Bżonn naqtgħu l-ego ta’ kulħadd, tiegħi l-ewwel wieħed”

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) Sandro Chetcuti ħeġġeġ biex kulħadd jaqta’ l-ego tiegħu, inkluż hu stess, biex il-pajjiż jasal għal kompromessi dwar l-ambjent.

“L-iżviluppatur hu vittma”

Waqt l-ewwel business breakfast ta’ Newsbook.com.mt, Chetcuti saħaq li Malta falliet fl-ippjanar u li hemm bżonn li dan isir fl-interess nazzjonali, “bl-involviment ta’ min jifhem fin-negozju”.  Spjega kif in-negozjant u l-iżviluppatur ħafna drabi jispiċċaw il-vittma ta’ deċiżjonijiet ħżiena li jieħu l-politiku, il-perit u l-konsulent.  

Dan qanqal reazzjoni fost l-oħrajn mill-Uffiċjal tal-Komunikazzjoni ta’ Caritas Malta, Marica Cassar, li stqarret li l-vittmi huma dawk il-familji bit-tfal li jgħixu f’garaxxijiet taħt l-art.  Irreaġixxiet ukoll il-psikologa soċjali Prof. Mary Ann Lauri, li saħqet li l-iffullar u t-tniġġis jaffettwana ħażin fiżikament u mentalment.

Filmat: “Familji bit-tfal jgħixu f’garaxxijiet taħt l-art”

Chetcuti wieġeb li dawn il-kummenti komplew iġibuh konxju dwar nuqqas ta’ ppjanar tajjeb u li minħabba f’hekk qed isofru n-nies.  “Mhux l-iżviluppatur biss hu l-vittma, ħafna nies”, żied jgħid.

“Nies fl-awtoritajiet għamlu ħafna ħsara lill-industrija”

Chetcuti saħaq li l-investitur ikollu pressjoni kbira biex idaħħal dak li jkun issellef. Kompla jgħid li hemm uħud mill-investituri aġevolati mill-politiku. Irrefera għal nies fl-awtoritajiet li għamlu ħafna ħsara lill-industrija.

Irrimarka li l-MDA ilha tgħid li ma taqbilx mal-ODZ u fisser li għall-Assoċjazzjoni, inqas ma jkun hemm żvilupp iktar ikun jaqbel ekonomikament, “għax togħla l-kwalità, jogħla l-prezz u tonqos il-kompetizzjoni”. Semma wkoll li għandu jiġi kkontrollat il-pubbliku inġenerali li jmur ibigħ u jipprova jdaħħal aktar milli suppost – “tħanżira wisq”, saħaq il-President tal-MDA.

Sandro Chetcuti appella għal aktar sforz kollettiv biex l-ekonomija la taqa’ lura u lanqas tibqa’ tikber a skapitu tal-ambjent.

Bżonn tkabbir ekonomiku imma mhux a skapitu tal-ambjent – L-Arċisqof

“Dak li kien tajjeb ilbieraħ mhux bilfors tajjeb illum” – Herrera

Lesti nwaqqfu l-permessi għal iktar restoranti? – Prof. Torpiano