Filmat: “Bżonn li gvernijiet Ewropej jinvestu fi proġetti li jmexxu l-ekonomija tal-UE” – Sant

Hemm bżonn li l-gvernijiet jinvestu fi proġetti li jmexxu l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant f’intervista fi Strasburgu ma’ Newsbook.com.mt.

Sant kien qed iwieġeb dwar il-problemi li qed iġibu magħhom it-tnaqqis drastiku tar-rati ta’ interess u x-xiri tad-dejn ta’ pajjiżi li jinsabu fi kriżi. Dawk li jsegwu l-andament ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, qed jibżgħu li din it-tgħabbija tista’ u qed toħloq problemi kbar fejn l-UE tista’ tispiċċa fi kriżi ekonomika.

Sant spjega li ż-żona tal-Ewro għamlet l-użu mill-għodod tal-eks President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi, jiġifieri għodod kif tħaddem il-flus mill-bank ċentrali. Sant qal li dawn it-tattiċi huma effettivi, iżda għandhom ukoll il-limiti tagħhom. Qal li hemm bżonn issa li l-Gvernijiet li għandhom il-flus x’jonfqu, jonfquhom fi proġetti li jkabbru l-ekonomija. Minkejja dan qal li din is-sistema jidher li għadha ma ħaditx minħabba r-regoli taż-żona tal-Ewro u l-pożizzjoni li ħadu ċertu pajjiżi bħall-Olanda u l-Ġermanja.

Minħabba f’hekk, Sant qal li ż-żona tal-Ewro tinsab maqbuda f’sitwazzjoni fejn użat l-għodod monetarji permezz tal-bank ċentrali bil-kbir. Dan wassal għal tnaqqis fl-imaxxijiet. Spjega li issa, penzjonant li jkollu xi ħaġa investita mhux qed ikollu dħul mill-imaxx.

Fil-plenarja Sant qal li għalkemm il-President il-ġdid tal-Bank Ċentrali Ewropew, Christine Lagarde, tidher li se tkompli bil-politika ta’ Mario Draghi, se jkollha l-problemi jekk il-gvernijiet ma joħorġux bil-politika fiskali tagħhom li tinbotta n-nefqa u tmexxi l-ekonomija.