Filmat: Bżonn inħarsu lejn proġett b’mod olistiku – Borg

Read in English.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li wieħed għandu bżonn iħares lejn proġett b’mod olistiku.

Borg kien wieħed mill-kelliema li indirizzaw il-konferenza bit-tema Pjanar u Twettiq. Hu qal li trid issir ħidma biex id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jirrefletti l-ħtiġijiet li hemm.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar semma’ kif il-public procurement huwa magna tal-ekonomija. Qal li l-ippjanar ma jiddependix fuq il-kumitati.

“Jekk trid li xi ħaġa ma ssirx waqqaf kumitat,” qal Cutajar li żied jgħid li l-kumitat jispiċċa jintilef fid-diskussjonijiet mingħajr ma joħroġ b’konklużjoni ċara.

Appella wkoll lid-dipartimenti preżenti biex jistinkaw biex jiksbu l-Quality Label. Qal li l-proċess jinkludi triq ta’ kif wieħed jasal għaliha li jekk wieħed jimxi magħha jsolvi diversi kwistjonijiet. Qal li wieħed irid jistinka biex jikseb din it-tiketta li mhix se titqassam bħall-pastizzi.

Cutajar tkellem ukoll dwar kif dipartimenti kbar tal-gvern ikollhom ċertu tradizzjonijiet. Qal li mhux faċli li wieħed jikseb il-bidla.

Semma’ wkoll kif jaħseb li hemm lok għal aktar kooperattivi. Qal li l-unika waħda li teżisti hija dik tas-sinjali tat-traffiku li kienet l-ewwel waħda li twaqqfet.

Fi stqarrija, il-Ministeru u l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni qalu li llum ġie mniedi pjan strateġiku maħsub biex id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jġedded il-missjoni tiegħu u jorganizza mill-ġdid ir-riżorsi fi ħdanu. It-tnedija saret f’laqgħa interministerjali oħra fis-sensiela ‘Ippjanar u Twettiq’ organizzata mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni, li din id-darba saret b’mod konġunt mal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.

Borg qal li ristrutturar pożittiv ta’ dan it-tip jista’ jwassal biss għal benefiċċji u riżultati, xelta li l-ministeru qabad sew matul din l-aħħar sena ta’ ppjanar u twettiq bl-implimentazzjoni ta’ diversi proġetti importanti.

Filmat: Christoph Schwaiger