Għaqda magħmula minn żgħażagħ residenti Malta qed tagħmel ġabra ta’ ikel sabiex tgħin familji fil-bżonn ikollom ċans isajru ikla sħuna dan il-Milied.
Junior Chamber Internation Malta (JCI Malta), qed taħdem sabiex tinkoraġġixxi l-pubbliku u anke negozji biex nhar it-Tnejn li ġej jimlew l-ixkafef tal-Foodbank Lifeline Foundation. Foodbank Lifeline Foundation tipprovdi ikel lil persuni u familji vulnerabbli li ma għandhomx biżżejjed flus sabiex jixtru affarijiet bażiċi għall-ħajja bħall-ikel.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, rappreżentant ta’ JCI Malta, Bernard Pollacco spjega li l-għaqda JCI Malta tissielet sabiex taħdem fuq proġetti li se jtejjbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni fil-komunità. L-għaqda hija magħmula minn persuni li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-18 u l-40 sena. Pollacco spjega li din hija t-tieni sena konsekuttiva li l-għaqda qed tassisti lill-Foodbank fi żmien il-Milied.
Intant, rappreżentanta oħra tal-għaqda, Francine Farrugia, spjegat li b’din l-inizjattiva l-għaqda ma tixtieqx biss tgħin lil dawn il-persuni li ma għandhomx ikel, iżda tixtieq tqajjem kuxjenza dwar ir-realtà tal-faqar.
Spjegat li l-ewwel ġabra ta’ ikel se ssir propju għada ġewwa Jacob’s Brew, waqt l-avveniment annwali tal-Milied tal-istess għaqda. L-avveniment li qed isir b’kollaborazzjoni ma’ Survivors Malta, se jinkorpora numru ta’ kompetizzjonijiet bil-għan li jinġabru l-flus għal proġett ieħor li qed isir b’kollaborazzjoni bejn l-istess żewġ għaqdiet. Dan jinkorpora l-bini ta’ kabina għall-annimali barra l-Isptar Mater Dei għall-pazjenti li jkunu qed jirċievu kura fl-istess sptar.
X’tista’ tagħti biex tgħin?
Jekk tixtieq tgħin tista’ tagħmel dan billi tixtri ikel li għandu data ta’ skadenza twila u li jkun issiġillat bħal:
- Għaġin
- Preserves
- Ċereali
- Dqiq
- Zokkor
- Gallettini
- Zalza
- Żejt
Għal aktar informazzjoni żur il-paġna ta’ Facebook tal-għaqda jew inkella ibgħat imejl fuq info@jci.org.mt.