Filmat: Bżonn ekonomija bbażata fuq is-sobrjetà u s-solidarjetà – l-Arċisqof, Newsbook Webinar

L-Arċisqof Charles Scicluna saħaq li huwa importanti li l-ekonomija wara l-Covid-19 tkun ibbażata fuq is-sobrjetà u s-solidarjetà.

Fil-messaġġ tiegħu waqt l-ewwel webinar ta’ Newsbook.com.mt, l-Arċisqof Scicluna stqarr li ma nafux meta se nkunu qegħdin f’dinja wara l-pandemija tal-coronavirus u għaldaqstant it-tagħlima mill-esperjenza tal-Covid-19 għandha tkun li l-ekonomija tibda tiġi bbażata fuq dawn iż-żewġ prinċipji.  Fisser li dawn il-prinċipji huma l-qafas għall-Enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Sì.

“Il-fatt li jien inrażżan il-mod kif nikkonsma, u allura ngħaddi minn ekonomija tal-konsum għal ekonomija sostenibbli hu mod kif jien nuri solidarjetà mhux biss mal-pjaneta, mas-soċjetà li fiha ngħixu, imma wkoll solidarjetà transġenerazzjonali”, kompla jgħid l-Arċisqof filwaqt li stqarr li aħna rridu nieħdu ħsieb ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri.

L-Arċisqof insista li r-risposti li l-umanità se tagħti fuq il-Covid-19 għandhom ikunu risposti ta’ solidarjetà, “għax fi kliemu, it-tentazzjoni, anke dik li qed naraw fit-tellieqa għall-vaċċin kontra l-Covid-19, hi li nfittxu interessi individwali u nazzjonalistiċi”.

Mons. Scicluna saħaq li l-ewwel tentazzjoni li rridu nirbħu hi li nerġgħu ninfetħu għal xulxin bi spirtu ta’ solidarjetà. Irrimarka li d-dinja, speċjalment il-kultura tal-ekonomija liberali u miftuħa, għandha bżonn titgħallem tgħix ħajja sobrja.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn