Filmat: Bukkett fjuri jwaqqaf għall-ftit il-pika fil-festi ta’ Ħal Qormi u l-Belt

Hu fatt magħruf li f'Malta, meta jkollok żewġ parroċċi jew aktar f'raħal wieħed, bla ma trid tidħol il-pika bejniethom.
Min jgħid li għandu l-aqwa xogħol tan-nar, tan-naħa l-oħra jgħidu li għandhom l-isbaħ armar, min jgħid li ħadd ma jirbaħlu fil-briju, u ħafna raġunijiet oħra għaliex kulħadd jgħid li l-festa tiegħu hi aqwa minn tan-naħa l-oħra.
Issa li qiegħdin fl-aqwa taż-żmien tal-festi, minn tal-inqas 4 parroċċi f'Malta għażlu li għal ftit iwarrbu l-pika bejn il-parroċċi u juru l-id tal-ħbiberija u tar-rispett.
Għall-ewwel darba f'Ħal Qormi, hekk kif il-purċissjoni bil-vara ta' San Sebastjan waslet fil-fruntiera taż-żewġ parroċċi, l-Arċipriet tal-Parroċċa ta' San Ġorġ, Dun Anton Cassar, mar jippreżenta bukkett fjuri lill-istatwa.
Dun Anton ta l-awguri lill-membri tal-kleru tal-parroċċa l-oħra u anke talbu flimkien għall-għaqda fir-raħal.
Ġest mhux mistenni li ġie apprezzat miż-żewġ parroċċi ta' Ħal Qormi.
Din ix-xewqa ta' għaqda inħasset ukoll fil-Belt Valletta meta din is-sena wkoll, għall-ewwel darba, waqt il-purċissjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Parroċċa ta' Santu Wistin, il-Parroċċa ta' Portu Salvu u San Duminku u l-Parroċċa ta' San Pawl, ippreżentaw tliet bukketti quddiem il-vara tal-Madonna.

Filmat: Mario Camilleri fuq info@newsbook.com.mt