Filmat: “Bosta Maltin għadhom jimxu wara l-konsumiżmu u l-flus” – L-Isqof Vincent Costa

Fil-jiem li għaddew f'Malta kien hawn l-Isqof Malti Vincent Costa, li ilu nieqes minn Malta għal kważi 45 sena u għal dawn l-aħħar erba’ snin qed jagħmel il-ħidma pastorali tiegħu fil-belt ta' Jundiai, li tinsab f'São Paolo fil-Brażil.

Mons. Costa jgħid li "bħal kull Isqof jipprova jħeġġeġ lin-nies fid-Djoċesi tiegħu biex ma jkunux biss insara tal-isem imma dixxipli u missjunarji ta' Ġesù Kristu".

Semma kif il-Brażiljani jgħixu l-Fidi nisranija b’mod differenti mill-Maltin u Għawdxin.  Qal li fil-Brażil, " il-lajċi jingħataw ħafna importanza biex kulħadd iħossu parti mill-Knisja. Tingħata wkoll importanza lil Bibbja biex l-insara verament jgħixu l-Kelma ta’ Alla fil-ġurnata tal-lum”. Sostna li dan rawh b’għajnejhom iż-żgħażagħ Maltin li marru Rio de Janiero għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lulju li għadda.

Mistoqsi dwar il-fidi nisranija f’Malta, l-Isqof Costa kkowta d-diskors ta’ Papa Franġisku, li “għandna nimxu kontra l-kurrent”.  Qal li f’Malta “bosta nies għadhom jimxu wara l-konsumiżmu u jridu l-flus biex jonfqu u jixtru.  Imma l-importanti hu li nkunu nsara u ngħixu l-Kelma ta’ Alla bil-valuri morali u etiċi u skont il-Vanġelu”.

Mons. Costa iddeskriva lil poplu Brażiljan bħala “poplu ferħan li dejjem lest jilqa’ lil barrani li għandu bżonn ħafna aktar ġustizzja soċjali u li l-ġid jinqasam verament ma’ kulħadd”.

L-Isqof Costa ilu 41 sena saċerdot. Ġie ordnat saċerdot fl-1972 u ilu Isqof għal dawn l-aħħar 15-il sena.

Mons. Costa li huwa mwieled Birkirkara jgħid li fil-Brażil iħoss in-nuqqas tal-atmosfera tal-festi Maltin, tal-baħar u anke tat-tradizzjoni ta’ familja maqgħuda.  Ma tonqosx ukoll l-imħabba lejn il-Knisja Maltija hekk kif qal li “hawnhekk għandi l-għeruq tiegħi bħala nisrani”.