Filmat: Borg jirrakkonta dak li qallu Herrera dwar klijenta fil-Qorti

Ġie ppubblikat il-ktieb ‘Ġustizzja bi tbissima’, miktub mill-eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg li għal għadd ta’ snin kien jipprattika ta’ avukat fil-Qrati Maltin.

Newsbook.com.mt kien preżenti għat-tnedija tal-ktieb fil-Qorti ta’ Għawdex u tkellem ma’ Dr. Borg dwar x’wasslu biex jikteb it-tieni ktieb bi stejjer umoristiċi.

Huwa spjega kif fl-ewwel ktieb tiegħu fl-2014 huwa jirrakkonta stejjer umoristiċi relatati mal-politika iżda fit-tieni ktieb ġew ippubblikati stejjer umoristiċi din id-darba mill-bini tal-Qorti jew dawk relatati mal-kamp legali.

Staqsejna lil Dr Borg x’kienu l-aktar żewġ stejjer li ħa gost jikteb u jirrakkonta. Fl-ewwel waħda isemmi kif il-Ministru Herrera, meta kien jipprattika ta’ Avukat, ċemplulu biex jiddefendi każ ta’ mara akkużata bi tlajjar għal prostituzzjoni. Jirrakkonta kif mar jiltaqa’ mal-klijenta tiegħu quddiem l-Awla. Lemaħ mara liebsa miniskirt qasir, takkuna għolja u kollha make-up u staqsiha kif ma tistħix tiġi għal kawża tagħha fuq prostituzzjoni b’dak it-tip ta’ lbies. Qalilha li kienet se tinstab ħatja żgur b’dak l-atteġjament. Il-mara daret fuqu u qaltlu li hi ma kinitix il-klijenta tiegħu iżda kienet qed tistenna lil oħtha toħroġ minn każ ieħor. Kien hawnhekk li Herrera nbela’ għax ma kienx iltaqa’ mal-klijenta tiegħu.

Spjega wkoll kif il-ktieb jinkludi dwetti li l-Imħallef Victor Caruana Colombo kien jikteb f’Sant’Ivo, il-qaddis patrun tal-avukati.

Il-ktieb ġie ppubblikat minn Kite Group u jinsab għal bejgħ fil-ħwienet ewlenin kif ukoll minn fuq is-sit ta’ Kite.