Filmat: Bomba oħra fi knisja fl-Eġittu

Il-komunità Musulmana kkundannat iż-żewġ attakki li saru f'żewġ knejjes separati fl-Eġittu.
Fit-tieni attakk, mill-inqas tmien persuni mietu u aktar minn 20 sfaw midruba fi splużjoni quddiem il-knisja ta’ San Mark f’Lixandra fl-Eġittu.
Dan l-attakk seħħ ftit siegħat biss wara splużjoni f’knisja kopta fil-Kajr li ħalliet 25 persuna mejta u aktar minn 60 midruba.
Il-midja internazzjonali qed tikkunsidra dan l-attakk bħala suwiċida hekk kif uffiċjal tal-pulizija waqqaf individwu li kellu bomba milli jidħol fil-knisja.
Ftit qabel ma seħħ l-attakk il-kap tal-Knisja Kopta fl-Eġittu, il-Papa Tawrdos II, kien qiegħed fil-knisja jiċċelebra l-quddiesa.
L-attakki jidher li kienu maħsuba apposta biex jolqtu l-ammont massimu ta' nies hekk kif il-knisja qed tiċċelebra Ħadd il-Palm.
L-awtoritajiet tas-sigurtà Eġizzjani jinsabu fuq stat massimu ta' allert.
L-ISIS qalet li hi kienet il-moħħ wara dawn iż-żewġ attakki.
Il-Komunità Musulmana Maltija, Ahmadiyya, ikkundannat iż-żewġ attakki li seħħew fuq il-Knejjes Kristjani fl-Eġittu.
Qalet li dawn huma attakki “inumani, faħxija u krudili.” Talbet ukoll li l-Istat jipprovdi l-protezzjoni kollha u sigurtà liċ-ċittadini li qed jgħixu fil-pajjiż, irrispettivament tal-kulur, razza, politika u reliġjon tal-persuni, u b’mod partikolari l-protezzjoni tal-minoritajiet.
Ahmadiyya waslet ukoll il-kondoljanzi tagħha lill-familji u l-qraba tal-vittmi kollha ta’ dawn l-attakki f’dan il-mument diffiċli u titlob għas-saħħa u fejqan ta’ dawk li weġġgħu fl-attakki.
Min-naħa tagħha, anke x-Xejk il-Kbir Ahmed el-Tayeb, il-Kap ta' Al-Azhar meqjusa bħala l-ikbar ċentru tat-tagħlim tas-Sunni, ikkundanna l-attakk u sejjaħlu "attakk terroristiku mistmerr li qatel l-innoċenti."