Filmat: Bniet tal-Ewwel Tqarbina joffru xagħarhom għall-morda bil-kanċer

Grupp ta’ bniet li għadhom kif irċivew l-Ewwel Tqarbina ppreżentaw donazzjoni ta’ xagħarhom lill-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

F’messaġġ ta’ radd il-ħajr lill-bniet li għamlu dan il-ġest sabiħ fil-preżenza tal-ġenituri tagħhom, il-President fisser kif għemilhom jirrifletti sens ta’ mħabba u responsabbiltà soċjali.

Il-President tkellem ukoll dwar it-tbatija ta’ dawk li jkunu għaddejjin mill-mard, bħall-kanċer, u kif il-MCCFF qed tgħin, fost l-oħrajn, permezz ta’ għotja ta’ parrokki lil min ikun fil-bżonn.

 Matilde Balzan, li hija inkarigata mis-sezzjoni tal-parrokki fi ħdan l-MCCFF, stqarret li f’dawn l-aħħar sitt snin tqassmu ‘l fuq minn 800 parrokka lil dawk li kellhom bżonnhom minħabba l-effetti ta’ problemi tas-saħħa. Hija sellmet lill-Maltapost u lill-kumpanija Caruana Shipping li, mingħajr ma jitolbu ħlas, jgħinu sabiex jintbagħat ix-xagħar barra minn Malta biex jinħadem f’parrokki.

Min-naħa tagħha, is-Sinjura Miriam Vella ppreżentat ċertifikat u rigal żgħir lit-tfal b’rikonoxximent tal-ġest nobbli li wettqu.