Filmat: “Bniedem intelliġenti” – Fearne u Abela dwar l-Arċisqof

Read in English.

Iż-żewġ kandidati fl-elezzjoni għal Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne u Robert Abela t-tnejn li huma qalu li l-Arċisqof Charles Scicluna huwa bniedem intelliġenti.

Huma kienu qed iwieġbu f’sensiela ta’ mistoqsija u tweġiba mill-preżentatur tal-programm Xarabank.

Chris Fearne qal li jaf lill-Arċisqof mill-Università fejn kienu jistiednu lil xulxin għal xi ikla. Fearne qal li jafu bħala bniedem simpatiku u intelliġenti.

Dwar il-kontribuzzjonijiet tal-Arċisqof, Fearne qal li fil-maġġoranza tagħhom ikunu kontribuzzjonijiet siewja. Huwa qal li kultant ikollu xi kontribuzzjoni frivola iżda qal li kulħadd jagħmilhom u semma li hu jkollu minnhom ukoll.

Temm jgħid li huwa lest jisma’ l-opinjoni tal-Arċisqof u anki tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi, jikkonsulta magħhom u jaħdmu flimkien.

Min-naħa tiegħu, Robert Abela qal li għandu r-riserva dwar il-mod kif l-Arċisqof għadda kummenti politiċi fil-passat.

Qal li għalkemm fil-preżent qed joqgħod aktar kawt, kummenti li ma jkunux meqjusa jistgħu jtelfu mill-awtorità morali li hu tant igawdi bħala kap tal-Knisja f’Malta.

Robert Abela qal ukoll li jħobb jitkellem mal-Arċisqof u qal li huwa persuna intelliġenti.

L-awtorità morali tal-Knisja kienet ukoll is-suġġett ta’ messaġġ fuq Facebook li l-Ministru Evarist Bartolo kiteb fil-jiem ta’ qabel il-Milied. Huwa kien qal li anke l-Knisja Kattolika għandha tħossa responsabbli fuq kif il-pajjiż iġib ruħu.

Fearne u Abela ġew mistoqsija wkoll dwar is-saga politika minħabba l-investigazzjoni li qed issir fuq l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri dwar qtil, dwar l-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u dwar il-Ministru Chris Cardona.

Fost għadd ta’ mistoqsijiet oħra li ġew imwieġba miż-żewġ kandidati kien hemm kemm tiswa ħobża tal-Malti, jekk il-problema tal-elettriku hiex se tippersisti fl-2020 u jekk Malta hiex se tirbaħ il-Eurovision.