Filmat: ‘Bla nar ma tinħassx li qisha ġiet il-festa’

Read in English.

Voluntier mal-kamra tan-nar ta’ Santa Marija fil-Qrendi stqarr ma’ Newsbook.com.mt li bla logħob tan-nar ma tinħassx li qisha ġiet festa.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Sean Bajada li ilu jaħdem in-nar għal dawn l-aħħar ħames snin.

Illejla l-għaqda se ttella’ spettaklu tal-logħob tan-nar li jġib l-isem “Conquest of Darkness” u li se jdum nofsiegħa. Newsbook.com.mt mar fl-għelieqi fejn kienu għaddejjin l-aħħar preparamenti.

Bajada spjega li llejla se jinħarqu numru ta’ murtali minn fuq struttura li nbniet apposta. Permezz ta’ software ddiżinjat apposta, il-murtali jistgħu jinħarqu f’ħin speċifiku. Malli jidlam dawk preżenti se jkunu jistgħu jgawdu l-ispettaklu elaborat li ħejjiet din il-kamra tan-nar.

Mistoqsi kemm damu biex ilestu għal dan l-avveniment, Bajada spjega li l-proċess jieħu sena u għandu bżonn l-impenn ta’ kulħadd. Stqarr li iktar kmieni din is-sena l-voluntiera ltaqgħu u ddiskutew x’riedu joħolqu u bdew ilestu għal-lejla.

Bajada semma kif f’kull lokalità ġeneralment ikun hemm żewġ festi u għaldaqstant hemm sens ta’ rivalità. Spjega li għalhekk kull kamra tan-nar tagħmel mill-aħjar biex tikseb l-aqwa riżultat.

Sostna li l-ispejjeż huma kbar u hemm bżonn ta’ ħafna donazzjonijiet. Spjega kif il-materjali u l-kimika li tintuża biex isir il-logħob tan-nar ivarja minn materjal għall-ieħor. Bajada saħaq li l-voluntiera u d-donazzjonijiet huma kruċjali biex jibqgħu jiġu organizzati dawn l-ispettakli sena wara sena.

Liċenzji u s-sigurtà

Bajada spjega li hemm tliet liċenzji li wieħed jista’ jagħmel biex b’hekk ikunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-preparazzjonijiet u anki fil-bini tal-ispettaklu.

Fl-aħħar snin kien hemm diversi każijiet fejn splodew kmamar tan-nar.

F’Mejju li għadda l-Gvern introduċa diversi miżuri biex titejjeb is-sigurtà fil-kmamar tan-nar. Iktar minn 12-il kamra tan-nar ngħataw €5,000 biex itejbu s-sigurtà waqt li qed jimmanifatturaw il-logħob tan-nar. Dawn il-fondi nħarġu mill-Kunsill Malti għall-Arti bl-għan li tittejjeb is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-voluntiera kif ukoll il-prodott pirotekniku.

Kollox lest għall-ispettaklu li jibda llejla fid-9.30.

Filmat: Miguela Xuereb

Filmat bid-drone: Daniel Caruana

Muntaġġ: Kurt Ciantar