Filmat: Bl-iffriżar tal-embrijuni nkunu razzisti – Espert

Embrijoloġist Taljan iddeskriva l-iffriżar tal-embrijuni bħala razziżmu għax din il-proċedura “ma tirrikonoxxix il-ħajja tal-bniedem b’dinjità.”
Ma’ Newsbook.com.mt, Prof. Carlo Cirotta qal li l-iffriżar tal-embrijuni hi għażla kapriċċjuża li mhix ibbażata fuq ix-xjenza.
Żied jgħid li hi opinjoni żbaljata li aktar ma tagħmel embrijuni fil-ġuf tal-omm aktar hemm ċans li toħroġ tqila.  Sostna li meta wieħed jintroduċi aktar minn tliet embrijuni mhux se jirċievi riżultati aħjar.
“Jekk ikun hemm liberalizzazzjoni ta’ embrijuni ffriżati, ikun hemm riskju kbir li ħafna jiġu mitlufa, u dan jiftaħ it-triq ghall-abort,” saħaq il-Professur.
Spjega li x-xjenza tipprova li l-bniedem jibda meta jkun hemm il-konċepiment, meta l-isperma tiltaqa’ mal-bajda tal-mara. Stqarr li għalkemm tibda minn ċellola waħda, din timmultipplika malajr f’ħafna ċelloli u tiżviluppa fi bniedem.
Għaldaqstant, Prof. Cirotta saħaq li “l-embrijun hu persuna u hi sfortuna u żball kbir li mill-punt legali dan ma jiġix rikonoxxut.”
L-espert Taljan kompla jispjega li l-embriju fih 90% ilma u meta jiġi ffriżat jiffurmaw kristalli fih, li jagħmlu ħsara lill-embrijun innifsu.
Semma li l-liġi teknika tal-iffriżar tal-embrijuni qed tinbidel, b’metodu li qed jissejjaħ il-vitrifikazzjoni.
Prof. Cirotta qal li b’din it-teknika nistgħu neħilsu minn problemi etiċi għax tista’ tiġi ffriżata biss il-bajda tal-mara, u “l-bajda mhix persuna.”
Saħaq li “ma tkunx qed tarmi persuna, jekk mill-bajd iffriżat, tagħżel it-tajbin u tarmi l-ħżiena.”
Filmat: Reel8 Productions