Filmat: Biża’ li d-Dwejra titlef ġawhra oħra

Studenti Għawdxin tal-ħames sena primarja li jattendu l-Iskola tal-Għarb jinsabu mħassba li d-Dwejra se titlef ġawhra oħra: Is-Sempre Viva, li tikber biss fid-Dwejra.
F’filmat, l-istudenti jispjegaw kif l-għajbien tat-Tieqa tad-Dwejra għandu jservi ta’ tagħlima biex nibżgħu għall-ġojjelli oħra madwar il-pajjiż.
Dwar is-Sempre Viva, spjegaw li hi pjanta endemika, li tgħix biss fl-irdumijiet, fi ftit ħamrija u qrib il-baħar.
Appellaw biex il-bniedem ma jkunx l-għadu ta’ din il-pjanta u ma jaqtagħhiex jew jgħaffiġha.