Filmat: Birkirkara tiċċelebra s-suċċess ta’ Destiny

Dalgħodu fi Pjazza Santa Liena f’Birkirkara mijiet ta’ persuni nġabru biec jiċċelebraw is-suċċess ta’ Destiny Chukunyere fil-programm X Factor. Il-kantanta żagħżugħa kienet milqugħa mill-bandisti tad-Duke of Connaught’s Own Band Club hekk kif il-folla miġbura ferħet u awgurat lil Destiny.

Għal kważi satejn sħaħ Destiny kienet taħt tinda fejn iltaqgħet ma’ ħafna nies li ġew apposta biex jifirħulha u jieħdu ritratt magħha.

Ryan Borg u Josmar ppreżentaw dan l-avveniment waqt li lejn tmiem l-avveniment il-Viċi Sindku Karl Cutajar feraħ lill-kantanta u rrefera għal Destiny bħala protagonosta Karkariża u bħala Kunsill dejjem għarfu t-talenti tagħha. Qal li jemmen li bit-talent tagħha tista’ tikseb fama internazzjonali.

Ritratt: Frederick Zammit

Bħala kunsill qal li bħal dejjem se jibqgħu jimbuttaw u joffru l-għajnuna lil kull talent Karkariż.

Destiny rringrazzjat lis-Sindku Joanna Debono Grech u l-għaqdiet Karkariżi kollha li għamlu l-attività tal-Ħadd possibbli.

Ritratt: Frederick Zammit

Destiny, li se tirrappreżenta lil Malta fl-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest fit-12 ta’ Mejju f’Rotterdam fin-Netherlands, irringrazzjat mhux biss lill-Karkariżi iżda l-Maltin u l-Għawdxin kollha li tawha l-appoġġ tagħhom matul il-kompetizzjoni ta’ X Factor Malta.