Filmat: BirdLife Malta bi protest ġudizzjarju kontra l-Gvern

Read in English.

Dalgħodu, il-BirdLife Malta ressqet protest ġudizzjarju kontra l-Gvern, partikolarment minħabba d-deċiżjoni li ttieħdet sabiex it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) titpoġġa f’idejn il-Ministeru għal Għawdex. Dan ifisser li l-Ministru Clint Camilleri, li huwa kaċċatur u nassab, se jkollu poter fuq din il-unit.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana qal li minkejja li Camilleri ngħata r-responsabbiltà ta’ dan il-unit, legalment ma jista’ jagħmel xejn.

Il-protest ġudizzjarju huwa ffirmat mill-avukati Philip Manduca u Leslie Cuschieri u huwa kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Ġie spjegat li l-liġi tal-ambjent tgħattat lill-Ministru tal-Ambjent sabiex imexxi din il-unit u mhux lill-Ministru ta’ Għawdex. Sostnew li b’hekk il-Ministru tal-Ambjent se jispiċċa pupazz f’idejn il-Ministru ta’ Għawdex f’dan ir-rigward.

Fil-jiem li għaddew, il-BirdLife Malta ħarġet stqarrija fejn sostniet li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, li tpoġġi lir-regolatur tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex “hija dijabolika”. Sostniet li din id-deċiżjoni kienet “waħda purament elettorali”.

Ir-rappreżentanti ta’ BirdLife Malta qalu li ma kellhom l-ebda alternattiva oħra ħlief li jirrikorru għal azzjoni legali. Spjegat li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Malta tistipula b’mod speċifiku li kull referenza għal “Ministru” qed tirreferi għall-“Ministru responsabbli mill-ambjent”. Intqal li l-istess Att jagħraf lill-Ministru tal-Ambjent bħala dak responsabbli għall-ambjent u għat-twaqqif ta’ kull awtorità marbuta miegħu.

Qalu li dan ifisser li kull avviż legali jew ħatra magħmula mill-Ministru għal Għawdex f’dan ir-rigward tkun kontra l-liġi minħabba li hu l-Ministru tal-Ambjent li huwa legalment rikonoxxut biex jaġixxi fil-konfront tal-ambjent Malti.

“Din kienet deċiżjoni tal-Gvern” – Ministeru għal Għawdex

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-protest ġudizzjarju, il-Ministeru għal Għawdex sostna li l-Ministru Clint Camilleri jerġa’ jtenni li din ir-responsabbiltà mogħtija kienet deċiżjoni tal-Gvern li se jkun qed jesegwixxi bl-istess impenn.

Qal ukoll li “f’dan l-impenn se jibqa’ jkun hemm bilanċ adegwat bejn dawk li huma drittijiet tal-kaċċaturi u rispett lejn l-ambjent u l-liġijiet.”

“Ma nistgħux nifhmu x’qed jinkwieta lill-BirdLife Malta” – FKNK

Intant, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qalet li ma tistax tifhem x’inhu l-punt li qed tinkwieta fuqu l-BirdLife. L-FKNK qalet li lesta sabiex tgħin b’kull mod lill-Ministru Camilleri sabiex il-pajjiż jasal għal bilanċ veritier fl-oqsma relatati mal-kaċċa, l-insib, il-konservazzjoni tal-ħlejjaq slavaġ u tal-ambjent naturali u li jkun hemm osservanza stretta tal-liġijiet u infurzar serju.

Filmat: Monique Agius