Filmat: “Bir-ritmu li għaddejjin għad ikun hemm iżjed inċidenti”

Read in English.

Raġel li nzerta qrib id-dar li ġġarrfet, li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace, mara ta’ 54 sena, qal li bir-ritmu mgħaġġel li għaddej il-bini, jistenna li jkun hemm iżjed inċidenti ta’ din ix-xorta. Huwa stqarr li li kieku kellhom jibdew jiskavaw ħdejn daru, ma jħallihiex lixxa u joġġezzjona.

Ilbieraħ, Miriam Pace tilfet ħajjitha meta ġġarrfet id-dar tagħha biha ġo fiha, fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun. Hija nstabet mejta wara tfittxija mmexxija mill-Protezzjoni Ċivili li damet għaddejja tmien sigħat.

Raġel li hu sid ta’ garaxx qrib il-post fejn seħħet it-traġedja qal li sema’ ħoss li ddeskrivieh bħala “bu bu bu bu bum,” bħallikieku kien hemm xi terremot. Meta ħares, ra sħaba kbira ta’ trab. Stqarr li lill-vittma kien jafha u anke lill-armel tagħha, peress li jgħaddi minn quddiem il-garaxx tiegħu ta’ kuljum. Qal li kien ċert li Miriam kienet fid-dar, peress li kien għadda mit-triq ftit minuti qabel.

Mara li toqgħod fl-akkwati qalet li nies li kienu jafu lil Miriam Pace jiddeskrivuha bħala mara tajba. Hija spjegat li kienet qed tieħu xawer meta ġara l-każ u f’daqqa waħda nqata’ d-dawl. Għall-ewwel ħasbet li dan kien il-qtugħ ta’ dawl li ġieli jkun hemm minħabba l-ħsara li saret lill-interconnector, imma meta ħarġet mid-dar biex tara x’ġara, ġara qaltilha li kienet waqgħet dar qrib. Marret tara x’ġara u stqarret li b’dak li rat u li ġara, tibża’ li kieku kellha ssir xi kostruzzjoni ħdejn darha.

Mara oħra li toqgħod viċin qalet li kienet qed tieħu nagħsa fil-ħin li seħħ il-każ, u l-ħoss ħasbitu terremot. Ħarġet mill-gallarija u rat ħafna uffiċjali tal-pulizija. Wara l-ħoss qawwi, semgħet ħafna sireni. Din il-mara kienet tafha lill-vittma, peress li ż-żewġ uliedhom kienu abbatini flimkien.

Is-sena li għaddiet kien hemm tliet każijiet simili, li fihom iġġarraf bini minħabba kostruzzjoni li kienet għaddejja ħdejn il-binjiet.

Tnejn minn dawn il-vittmi, Caroline Micallef u Janet Walker, illejla pparteċipaw fil-protesta siekta li saret għal Miriam Pace. Micallef appellat lill-awtoritajiet biex jieqfu jibbuljaw liż-żgħir.

Sitt persuni ġew arrestati b’rabta mal-każ.

Filmat: Miguela Xuereb
Ġurnalista: Monique Agius