Filmat: “Binti saret widnejja” – omm nieqsa mis-smigħ

Omm nieqsa mis-smigħ irrakkuntat kif bintha llum il-ġurnata saret widnejha, billi ta’ sentejn, diġà taf tagħmel xi sinjali peress li bdew jgħallmuha minn età żgħira. L-omm qalet li meta żewġha jasal id-dar mix-xogħol, hija Emily li tgħidilha billi tagħmlilha s-sinjal ta’ “papà.”

L-omm tirrakkonta l-esperjenzi tagħha bħala mara u omm nieqsa mis-smigħ kontinwament fuq il-blogg tagħha A Silent World. Fl-aħħar blogg tagħha, hija qasmet l-esperjenza ta’ bintha Emily ta’ sentejn titgħallem u tipprattika l-lingwa tas-sinjali bil-Malti, li kienet taf qabel ma bdiet titkellem. L-omm kitbet illi dan għamilha iżjed faċli għaliha tifhem xi trid bintha, peress li kienet tagħmlilha s-sinjal biex tfisser li trid torqod jew tiekol.

L-ewwel kelma bis-sinjali ta’ Emily kienet “papà” meta kellha biss sena. Illum il-ġurnata taf tgħid il-kliem “papà” u “daddy” u iżjed bi tliet lingwi: bil-lingwa tas-sinjali Maltija, bil-Malti mitkellem u bl-Ingliż mitkellem. Jiġifieri ta’ sentejn, Emily hija diġà trilingwi. Minkejja dan, l-omm tammetti li Emily ġieli tieħu xi żball ‘l hemm u ‘l hawn f’xi sinjal, imma qiegħda titgħallem u fadlilha żmien titjieb hi u tikber.

L-omm kompliet tgħid li dan juri kemm il-lingwa tas-sinjali tista’ tkun utli wkoll għal tarbija nieqsa mis-smigħ, peress li b’hekk, din it-tarbija ma tħosshiex li hija nieqsa milli jkollha lingwa. Hija insistiet li l-ewwel snin ta’ tarbija huma essenzjali għall-ħakma tal-lingwa, u b’hekk, meta tifel jew tifla jkunu esposti għal-lingwa tas-sinjali, jirnexxilhom jikkomunikaw biex jesprimu ruħhom.

Tista’ taqra aktar dwar l-esperjenzi ta’ din l-omm fuq il-blogg tagħha.