Filmat: Binja oħra f’Ħal Far bħala iżolazzjoni tar-residenti

Minn din il-ġimgħa se jibda jopera ċentru ġdid f’Ħal Far li se jservi ta’ iżolazzjoni għar-residenti ta’ Ħal Far li jkunu ġew ikkonfermati bħala pożittivi.

Kelliem għas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar qal ma’ Newsbook.com.mt li din hija l-binja magħrufa bħala China House li tinsab viċin taċ-ċentru miftuħ li r-residenti tiegħu ġew mitluba josservaw perjodu ta’ kwarantina. Din hija t-tieni inizjattiva mas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar wara li ftit tal-ġimgħat ilu nfetħet klinika ġdida biswit iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

Il-Gvern fi stqarrija qal li x-xogħol fuq ir-rinovar f’din il-binja beda qabel ġie kkonfermat l-ewwel każ ta’ infezzjoni mill-virus fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

Intqal li l-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li jfittxu Ażil (AWAS) se tkun qed tmexxi dan il-post b’kollaborazzjoni ma’ membri, tobba u infermiera mis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar u l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Iċ-ċentru ġdid se jkun jista’ jilqa’ fih madwar 150 persuna. Din l-inizjattiva ssegwi oħra tax-xorta tagħha fejn fil-bidu ta’ Marzu ġew trasferiti 50 resident ieħor għal ċentru ieħor f’Ħal Far stess. Għaldaqstant il-Gvern qal li l-ammont ta’ persuni li jgħixu flimkien fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se jonqos b’20%.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn