Filmat: Bil-mina bejn Malta u Għawdex se jkollna ħafna skart

Il-Prim Ministru Joseph Muscat spjega kif il-kostruzzjoni tal-mina bejn Malta u Għawdex se tiġġenera ammont ta’ skart tal-kostruzzjoni. Huwa saħaq li xi ħaġa trid issir b’dan l-iskart u li huwa jqisu bħala riżorsa. Rigward il-mina, Muscat saħaq li din kienet parti mill-manifest elettorali u l-Gvern jixtieq jara ssir. Huwa kompla jgħid li l-istudji dwar il-mini jinsabu fl-aħħar fażijiet tagħhom. Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet minn Newsbook.com.mt dwar ir-reklamazzjoni tal-art. 

Muscat saħaq li l-iskart li se jiġi ġġenerat mill-bini tal-mina jekk jintrema f’barriera din se timtela mill-ewwel filwaqt biex jintrema fil-baħar irid ikun identifikat sit apposta, iżda huwa saħaq fuq l-importanza li dan l-iskart jiġi rikonoxxut bħala riżorsa. Kompla jispjega kif għaddejjin l-istudji mill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent, Transport Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar. Huwa saħaq li x-xogħol li qed isir minn dawn l-awtoritajiet se jagħti ċans il-Gvern biex jikkonsulta u joħroġ politika f’dan ir-rigward. Fisser li dan ix-xogħol qed jittieħed b’serjetà kbira u li hi prijorità ambjentali.