Filmat: “Bil-korruzzjoni qed issofri l-ekonomija” – il-UĦM lill-PN

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li bil-korruzzjoni qed issofri l-ekonomija ta’ Malta. Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella hekk kif qal l-unjin tinsab imħassba bil-qagħda tal-politika f’Malta, bl-allegat każijiet ta’ korruzzjoni li qed jagħmlu ħsara wkoll lill-ekonomija tal-pajjiż.

Vella qal dan waqt li awgura lil Bernard Grech fil-kariga tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista fl-ewwel laqgħa li kellhom flimkien.

Min-naħa tiegħu Bernard Grech qal li l-PN irid jibqa’ jisma’ lill-imsieħba soċjali kollha u li jkollu djalogu kontinwu magħhom.

Intom ukoll tiltaqgħu kontinwament mad-diffikultajiet li qegħdin jaffaċċjaw il-ħaddiema u l-familji tagħhom matul dawn iż-żminijiet diffiċli.

Bernard Grech

Il-UĦM esprimiet ukoll it-tħassib tagħha għal mod kif il-Gvern qed jilqa’ għall-pandemija. Qalu li bl-isfida tal-pandemija ma jistax isir ippjanar fit-tul, u meta d-daqqa fl-ekonomija qegħda tinħass u hawn ħaddiema li tilfu xogħolhom u oħrajn li raw il-paga tagħhom titnaqqsilhom.

Matul din il-laqgħa Josef Vella ppreżenta lil Bernard Grech kopja tad-dokument tal-proposti li l-UĦM Voice of the Workers qegħda tagħmel għall-baġit. 89 proposta li huma mqassmin f’21 tema fosthom l-ekonomija, t-taxxa, x-xogħol u l-ġlieda kontra l-prekarjat.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN matul din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli, l-President tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) Ivan Castillo u l-President tal-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) Graham Bencini. Filwaqt li d-delegazzjoni tal-UĦM kienet immexxi mill-Kap Eżekuttiv Josef Vella.