Filmat: Biex ma tiġrix traġedja oħra bħal ta’ Igor

F’Novembru li għadda Igor Scicluna, tfajjel ta’ 15-il sena, iddaħħal b’urġenza l-isptar minħabba problemi f’qalbu. Ftit ħin wara, Igor miet.
Fil-Liceo tas-Subien fil-Ħamrun, l-istess skola li kien jattendi Igor, bħalissa għaddejja maratona bir-roti biex jinxtara apparat mediku għal kull skola u jkun jista’ jintuża f’każijiet ta’ attakk tal-qalb.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ Phyllis Scicluna, omm Igor. Li kieku Igor għadu ħaj, kien ikun wieħed mill-istudenti li qed jipprovaw jgħaqqdu l-50 siegħa fuq ir-roti.
Waqt il-maratona qed jieħdu sehem l-iskejjel Primarji u Sekondarji tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Il-maratona bdiet il-Ġimgħa f’nofsinhar u tasal fi tmiemha għada, b’total ta’ 50 siegħa.
Is-Surmast tal-Liceo Innocent Aquilina spejga fid-dettall l-iskop tal-maratona. 
L-attività hi miftuħa għal kulħadd bi spettaklu kontinwu għall-familja kollha, fosthom: kant u żfin, wirjiet ta’ karozzi, muturi, fotografija, pittura, maġija, xjenza u teknoloġija, bejgħ ta’ pjanti u xogħol ta’ arti, kif ukoll ikel u xorb.
Il-Maratona bir-Roti bdiet fl-1994, u sa issa nġabru ‘l fuq minn €450,000. Fost l-għaqdiet li bbenifikaw hemm id-Dar tal-Providenza, id-Djar tas-Sorijiet tal-Ursolini, Hospice Malta, il-Muscular Dystrophy Group, il-Caritas, u l-Malta Community Chest Fund.