Filmat: “Bidlitli ħajti li għandi tifla, mhux għax bid-down syndrome” – omm

Omm qalet ma’ Newsbook.com.mt li ħajjitha nbidlet għas-sempliċi raġuni li kellha tifla u mhux għax it-tifla tagħha twieldet bid-down syndrome.

Sandra Borg spjegat ma’ Newsbook.com.mt kif it-tifla li jisimha Katrina llum għandha sentejn. Spjegat li kellha tqala perfettament normali u saret taf li bintha twieldet bid-down syndrome ftit wara t-twelid. Borg qalet li ħadd ma jkun qed jistenna aħbar hekk u xi daqsxejn xokk kulħadd iħossu. Qalet li imma mbagħad mill-ewwel tibda taħseb x’tista’ tagħmel u kif se tħares lejn is-sitwazzjoni. Qalet li l-isptar, meta jsiru jafu li għandek tarbija b’diżabilità jibgħatulek għas-sapport u jispjegawlek x’servizzi jkun hemm disponibbli.

Aqra: Filmat: “Minn dejjem kienet tħobb il-kamera” – omm Francesca

“Katrina ġabet dak kollu li ġġib tifla lil kwalunkwe familja oħra”

Borg spjegat li Katrina ġabet magħha dak kollu li ġġib tifla f’familja bħall-oħrajn. Qalet li bħal tfal oħra ġieli tqum bil-lejl u ġieli ma tkunx trid tiekol. Iżda sostniet li magħha ġabet ukoll ħafna logħob, daħq u ferħ, filwaqt li biddlet il-perspettiva lil kulħadd.

Aqra: Tfajla ta’ 20 sena bid-Down Syndrome ssir il-wiċċ il-ġdid ta’ ditta tal-kożmetiċi

Borg kompliet tgħid kif hi kienet persuna akkademika u li tiffoka ħafna fuq il-karriera. Qalet li meta jkollok tifla, speċjalment tifla bid-down syndrome ikollok tibdel xi ftit il-ħsieb. Qalet li r-riżultati li jiksbu dawn it-tfal, jagħmluhom fi żminijiet differenti minn oħrajn u b’hekk wieħed ma jistax jippretendi li se jara r-riżultati immedjati. Sostniet li minkejja kollox, il-vjaġġ huwa wieħed ta’ sodisfazzjon.

Filmat: Miguela Xuereb