Filmat: “Bid-disability hub se nifirdu iktar milli ngħaqqdu”

Fl-intervista tal-ġimgħa fuq Newsbook.com.mt, il-ġurnalist Karl Wright jiltaqa’ ma’ Carmel Bezzina, li mhux biss studja f’livelli avvanzati l-qasam tad-diżabilità, imma ħadem ukoll f’irwoli differenti ta’ dan is-settur. Miegħu jiddiskuti l-proposta tad-‘disability hub’.
Bezzina jgħid li fil-fehma tiegħu dan il-proġett jista’ jkun li qed jibgħat messaġġ żbaljat b’tifsila ta’ proġett li possibilment iġib iktar segregazzjoni milli inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà. Jgħid li kif inhu propost, il-proġett se jkollu konċentrazzjoni ta’ servizzi lill-persuni b’diżabilità f’post wieħed. Fi kliemu, minflok ma tissokta l-ġlieda għal soċjetà iktar inklussiva, “se noħolqu ambjent ristrett li jkun ta’ ‘comfort zone’ għall-persuna b’diżabilità”.
Carmel Bezzina jirreferi wkoll għall-proposta ta’ bini residenzjali li jkun aċċessibbli għal 60 persuna fl-istess ‘disability hub’, li qal li għadu mhux ċar jekk hux se jkunu esklussivament għall-persuni b’diżabilità. 
Ftit jiem qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji għall-Persuni b’Diżabilità, Carmel Bezzina appella biex kulħadd jibqa’ jsemma’ leħnu u biex din il-proposta ta’ ‘disability hub’ tiġi diskussa fit-tul biex ma tkunx imminata d-direzzjoni li għal snin twal inqabdet għall-progress tal-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità f’pajjiżna.