Filmat: “Bi ftit aktar attenzjoni l-festi jgawdihom kulħadd”

Mara li rat b’għajnejha kemm l-armar tal-festi jagħmilha diffiċli għal persuni li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti sabiex jużaw il-bankina sostniet li bi ftit aktar attenzjoni minn dawk kollha konċernati, il-festi jkunu isbaħ u jkun jista’ jgawdihom kulħadd.

Is-sors li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt spjegat kif ftit tal-jiem ilu nzertat persuna li kienet għaddejja b’siġġu tar-roti u kien verament diffiċli għaliha biex tgħaddi minn maġenb l-armar. Il-każ kien beda jinxtered fuq il-media soċjali l-ġimgħa li għaddiet wara li filmat tal-mara tipprova timbotta s-siġġu minn maġenb l-armar u dan jeħel u ma jgħaddix, ittella’ online.

Is-sors ta’ Newsbook.com.mt spjegat li tixtieq li fil-futur ikun hawn xi forma ta’ regolarizzazzjoni dwar id-distanza li l-armar irid iħalli fuq bankina sabiex din tibqa’ aċċessibbli minn kulħadd. Qalet li tinsab ċerta li dawk kollha li jaħdmu fuq l-armar tal-festi jagħmlu dan b’imħabba u dedikazzjoni għad-delizzju u mhux biex ikunu ta’ inkonvenjenza. Qalet li xi kultant ikun biss nuqqas ta’ ħsieb u għalhekk bi ftit aktar attenzjoni l-festa tkun isbaħ u tista’ titgawda minn kulħadd.

Tenniet li tħossha inkwetata għal nies li għandhom xi problemi ta’ mobilità hekk kif każijiet bħal dawn jistgħu anke jwasslu għal xi inċident. L-appell tagħha huwa wieħed u ċar, li f’kull ma wieħed jagħmel għandu jaħseb f’dawk ta’ madwaru u kif għemilu jista’ jolqothom. Qalet li hemm bżonn li kulħadd ikun ġeneruż, mhux biss billi joffri l-flus u l-ħin tiegħu imma li kull ma jagħmel jagħmlu sew, b’ordni u bi ħsieb lejn l-oħrajn.