Filmat: “Bħalissa hemm maġġoranza ta’ 48,000 vot” – Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat fetaħ id-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-Maltin u l-Għawdxin talli reġgħu kienu miegħu, u qal li bħalissa jidher li hemm maġġoranza ta’ 48,000 vot. Huwa indika wkoll li l-PL se jtella’ erba’ siġġijiet fil-Parlament Ewropew.

Muscat qal li l-Partit Laburista wera li dak li jgħaqqad lill-Maltin hu ikbar milli dak li jifred, u li l-pajjiż għaqda jrid, mhux firda. Qal li għall-10 darba, il-Maltin urew il-fiduċja tagħhom fil-moviment Laburista. Kompla jgħid li flimkien, kitbu l-istorja ta’ Malta peress li qatt ma kien hemm l-ebda partit jew moviment li kiseb dak li nkiseb mill-Partit Laburista permezz ta’ din l-elezzjoni.

“Maġġoranza storika għall-Partit Laburista” – Muscat

Huwa ammetta mal-folla li kellu żball peress li qal li rebaħ bl-istess maġġoranza tal-elezzjoni ġenerali, iżda qal li rebħu b’ferm aktar minn hekk. Il-Prim Ministru qal li bħalissa hemm maġġoranza ta’ 48,000 vot.

Saħaq li l-għaqda trid tibqa’ l-punt ċentrali ta’ dan il-moviment. Kompla jgħid li xogħlu minn għada stess se jkun li jara li hu, il-Ministri, il-Membri Parlamentari jżommu saqajhom mal-art u jibqgħu “tan-nies u man-nies.” Dan hu l-mument li jagħmel appell għall-għaqda nazzjonali fost kulħadd, qal Muscat, u mhux il-mument li l-PL jibda jara lin-nies dubbien.

Fost l-għajat tan-nies, Muscat qal ukoll li permezz ta’ dan ir-riżultat, il-poplu wera li ma jridx lil min imur fl-Unjoni Ewropea jitkellem kontra Malta. Huwa żied jgħid li jixtieq jawgura lill-erba’ membri parlamentari eletti f’isem il-Partit Laburista, u b’hekk indika li l-PL rebaħ siġġu ieħor fil-Parlament Ewropew. Qal li l-PL lest jaħdem maż-żewġ membri li se jkunu eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, meta tkellem ma’ Newsbook.com.mt aktar kmieni, qal li r-raba’ siġġu għadu mdendel.

“Ir-raba’ siġġu għadu mdendel” – Arrigo

Aktar tard tħabbar li l-maġġoranza favur il-PL telgħet għal 51,000 vot.

Filmati: Miguela Xuereb u Luke Zerafa