Filmat: ‘B’għan li ż-żgħażagħ ikunu kapaċi jidentifikaw ir-riskji għat-traffikar uman’

Iċ-Chairperson u l-Fundatur tal-Cross Culture International Foundation Alec Douglas Bvumburah qal li parti mill-idea tal-ħidma tagħhom hija li jassiguraw li ż-żgħażagħ kollha jkunu jafu kif jidentifikaw ċerti riskji li jwasslu għat-traffikar tal-persuni.

Ma’ Newsbook.com.mt Bvumburah qal li l-ħidma tagħhom ta’ kontra t-traffikar tal-persuni tkopri prevenzjoni, tqajjim ta’ kuxjenza, taħriġ, u anke advocacy. Spjega li qed jippjanaw li jibdew investigazzjonijiet u anke servizzi ta’ victim restoration.

Bvumburah qal li permezz tal-ħidma li qed jagħmlu fl-iskejjel, il-messaġġ tagħhom wasal għand aktar minn elfejn tifel u tifla. Laħqu wkoll għalliema u youth workers.

Bvumburah qal li l-pjan tagħhom huwa li jikkolaboraw mal-Gvern f’kampanja u biex jidħlu fis-seħħ politiki li jassiguraw li l-vittmi jiġu identifikati u li jingħataw l-għajnuna meħtieġa. Żied jgħid li qed jaħdmu wkoll mal-kumpaniji biex jgħinuhom jassiguraw li ma jkunux qed jgħinu lit-traffikar uman b’xi mod mingħajr ma jkunu jafu.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern jikkonsidra s-soċjetà ċivili bħala sieħeb u mhux kompetitur fil-ġlieda kontra t-traffikar uman. Qalet li fil-futur se jkun hemm strateġija nazzjonali kontra t-traffikar uman.