Filmat: Bernard Grech jitlob għar-riżenja ta’ Silvio Parnis

Read in English.

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, talab għar-riżenja tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis. Hu għamel dan l-appell fid-dawl taż-żieda ta’ anzjani li mietu fil-pajjiż fl-aħħar ġimgħat minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Permezz ta’ messaġġ imtella’ fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, hu rrefera għall-fatt li lbieraħ mietu tliet anzjani oħra wara li dawn ħarġu pożittivi għall-coronavirus.

Hu qal li f’mument daqshekk prekarju għall-anzjani, is-Segretarju Parlamentari Parnis sparixxa “u ħadd ma jaf fejn qiegħed”. Sostna li minħabba f’hekk, mhux qed jispira fiduċja għal xi pjan li seta’ kellu jew għandu f’dawn iċ-ċirkustanzi. Sostna li s-soluzzjoni li offra Parnis kien biċċa roly-poly lill-anzjani. “Konvint li Silvio Parnis għandu jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u jekk dan ma jagħmilx hekk, Robert Abela għandu jara li jieħu l-passi hu. Mhux aċċettabbli li f’din is-sitwazzjoni, min hu responsabbli ma jidhirx,” insista Grech.

Hu sejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela biex jara li jindirizza s-sitwazzjoni għax in-nies hemm barra u l-anzjani jinsabu inkwetati. Appella lill-Gvern u l-Parnis biex immedjatament “joħroġ minn fejn hu mistoħbi u jgħidilna x’hemm bżonn li jsir.”

Irrimarka li jekk il-Gvern mhux kapaċi jagħmel dan, mela hemm bżonn li jkun hemm Oppożizzjoni li hi b’saħħitha biżżejejd biex toffri alternattiva u direzzjoni ta’ x’għandu jsiru f’dan il-mument traġiku.

Hu tkellem ukoll dwar l-edukazzjoni u sostna li l-ġenituri, l-istudenti u l-għalliema jinsabu inkwetati minħabba li “l-Gvern m’għandux pjan”. Sostna li dawn kollha għandhom dritt li jħossu li s-sigurtà tagħhom qed tiġi kkunsidrata.

Semma wkoll il-qasam tat-turiżmu u sostna li lanqas hawn, il-Gvern m’għandux pjan ċar. Qal li hemm bżonn soluzzjoni ċara u inċentivi fil-baġit li jgħinu mhux biss lin-negozjanti, imma lill-ħaddiema wkoll.