Filmat: Bejgħ tal-passaporti: ‘Il-PM dejjem iwaħħal f’ħaddieħor’ – MEPs tal-PN

Read in English.

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u David Casa qalu li hija sitwazzjoni tal-biki li l-Prim Ministru Robert Abela dejjem jara f’min ħa jwaħħal u donnu dejjem ifarfar mir-responsabbiltà.

Dan qaluh b’rabta mal-kummenti tal-Prim Ministru għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt ilbieraħ wara l-konferenza tal-baġit. Hu ġie mistoqsi fuq ir-reazzjoni tiegħu għall-fatt li l-Unjoni Ewropea se tieħu azzjoni kontra Malta u Ċipru minħabba l-bejgħ tal-passaporti.

Dan tħabbar mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovičmeta f’konferenza tal-aħbarijiet hu u jagħti d-dettalji ta’ dak li ġie deċiż mill-kulleġġ tal-Kummissarji mmexxi mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.

Il-PM qal li dan seħħ minħabba l-kummenti li jgħaddu Metsola u Casa fl-UE biex iħammġu isem Malta. Għall-kuntrarju, saħaq Abela, il-Gvern Malti se jiddefendi lil Malta. Hu ddefenda l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u qal li li kieku ma kienx għal dak il-programm, x’aktarx ma kienx ikun possibbli jiġi preżentat baġit daqshekk kbir, li hu sejjaħlu l-aqwa wieħed f’Malta s’issa.

Minkejja dan, il-Gvern qed iħejji programm ieħor li jmur lil hinn minn dak li diġà kien hemm. Qal ukoll li l-kwistjoni ta’ Malta hija differenti minn ta’ Ċipru.

Casa kkummenta fuq din ir-reazzjoni tal-Prim Ministru u qal li kienet tkun, “Tad-daħq kieku mhux tal-biki. Agħmel xogħlok, Prim Ministru,” appellalu l-MEP.

Wara li lbieraħ il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li ser tieħu passi kontra l-Gvern Malti minħabba skandlu wieħed wara…

Posted by David Casa on Tuesday, October 20, 2020

Min-naħa tagħha, l-MEP Metsola qalet li ma tafx x’inhu l-aktar inkwetanti, kemm jaħseb li għandha poter hi l-Prim Ministru jew li m’għandux idea kif imorru dawn l-affarijiet.