Filmat: Bedingfield jaqbel mal-ewtanasja u l-abort?

Read in English.

Glenn Bedingfield qal li huwa mifuħ għall-informazzjoni dwar l-ewtanasja u l-abort u għalhekk ma kellu l-ebda stqarrija ċara dwar jekk hux favur jew kontra dawn l-atti li bihom titneħħa ħajja umana.

Waqt il-programm Andrew Azzopardi on 103, Glenn Bedingfield wieġeb għadd ta’ mistoqsijiet dwar il-ħidma tiegħu bħala membru tal-Gvern.

Il-Professur Andrew Azzopardi rrefera għall-istqarrija tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef dwar l-ewtanasja.

  • F’ċertu ċirkostanzi jaqbel mal-ewtanasja

Bedingfield stqarr li jaqbel mal-istqarrija ta’ Daniel Micallef għaliex qal li r-regoli jridu jsiru wara li jsiru magħrufa ċ-ċirkostanzi tal-individwu.

Ma nistgħux nibqgħu ngħidu li xi ħaġa ħażina għal kulħadd għaliex tista’ tkun tajba għal ħaddieħor.

  • Abort: “Jista’ jkun hemm każi permessibbli”

Dwar l-abort, Glenn Bedingfield qal li rridu niddiskutuh u jrid aktar informazzjoni dwaru. Stqarr li ma jaqbilx li titneħħa ħajja iżda minkejja dan qal li jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn l-abort ikun permessibbli għadaqstant f’ebda ħin ma qal li huwa kontra l-abort.

Temm jgħid li wieħed għandu jara l-każ xi jkun “mingħajr ma jgħid le għal kollox u iva għal kollox”. Enfasizza wkoll dwar l-interessi tan-nies u ċ-ċirkostanzi tagħhom.

Il-Professur Azzopardi għamel referenza wkoll għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela li kemm-il darba qal li l-abort mhux fuq l-aġenda tal-Gvern għaliex ma jaqbilx miegħu.

  • Għalfejn Whip u mhux Ministru?

Mistoqsi għaliex il-Prim Ministru għażel li jagħmlu Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista minflok Ministru, Glenn Bedingfield qal li din hija l-prerrogattiva tal-PM. Spjega li fil-ħidma tiegħu bħala Whip, ix-xogħol huwa aktar mexxej minħabba li l-grupp parlamentari laburista huwa magħqud.

Stqarr ukoll li kieku l-Prim Ministru ma kellux fiduċja fih ma kienx jagħmlu Whip.

Bedingfield stqarr li ma jara xejn konflinġenti fil-pożizzjoni tiegħu bħala Chairman tal-Fondazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Kottonera. Huwa kien mistoqsi dwar dan mill-Professur Andrew Azzopardi li staqsih jekk bil-pożizzjoni tiegħu ta’ Membru Parlamentari jarax il-pożizzjoni fil-fondazzjoni bħala konflinġenti.

  • Għaliex qed jistudja l-liġi?

Glenn Bedingfield wieġeb ukoll dwar għaliex daħal student tal-liġi fl-Università ta’ Malta. Qal li l-liġi tgħinu ħafna fix-xogħol parlamentari u qed jistudja dan biex jifhem aktar l-affarijiet li jkunu għaddejjin.

  • Power station tal-Electrogas

Dwar il-power station tal-Electrogas, Glenn Bedingfield qal li grazzi għal dan il-proġett, Gvern Laburista seta’ jraħħas il-kontijiet tad-dawl u anki jagħlaq il-power station tal-Marsa li kienet titfa’ fl-arja gassijiet tossiċi li kienu jibilgħu n-nies li joqgħodu fin-naħa t’isfel ta’ Malta.