Filmat: Bdil fid-data meta tixxandar Merjen

Fost il-produzzjonijiet ġodda li se jixxandru minn din is-sena, nsibu Merjen tal-kumpanija TAKE2. Din is-sensiela, li hija bbażata fuq storja vera illi seħħet lejn it-tmiem tas-Seklu 19, issa ġiet addatata għaż-żminijiet tal-lum.

Merjen hija drama fi tlett partijiet li tirrakkonta l-ġrajja ta’ mħabba mqanqla bejn Bertu u Merjen, żewġ żgħażagħ illi minn tfulithom kienu miġbudin lejn xulxin. Il-hbiberijja bejn it-tfal tinbidel f’passjoni feroċi hekk kif it-tnejn jikbru u jispiċċaw isiru maħbubin.

Iżda Bertu ma jkunx għal qalbu hawn Malta u la darba jitlaq biex ifassal ħajtu barra minn xtutna, Merjen issib ruħha waħedha.

Meta Bertu jerġa’ lura, huma jkomplu bir-relazzjoni tagħhom minn fejn kienu telquha sentejn qabel.

Iżda Bertu mhuwiex l-istess raġel li kienet tiftakar Merjen u meta hija tgħidlu illi fiż-żmien li kien imsiefer hi kienet iltaqgħat ma’ ġuvni Ingliż li minnu kellha trabijja, l-għira tagħmih.

Bertu jsir aktar u aktar vjolenti u abbussiv u aktar ma timxi l-istorja aktar naraw kif l-imħabba ta’ bejnu u bejn Merjen tibda tieħu xejra xejn sabiħa.

Din is-sensiela kienet imħabbra li se tibda fuq l-istazzjon One mill-Ġimgħa 17 ta’ Jannar, iżda minn informazzjoni li ksibna jidher li se jkun hemm xi bdil fl-iskeda u issa din is-sensiela se tibda tixxandar mill-Ġimgħa 31 ta’ Jannar.

Merjen hija storja ta’ Salvu Mallia b’addattament fi tlett episodji minn Carlos DeBattista u direzzjoni ta’ Abigail Mallia.