Filmat: Bdiewa u residenti jopponu għall-bini ta’ flyover fil-bypass tal-Imrieħel

Aġġornat 04:46 PM

"Ma kien hemm l-ebda tentattiv li l-proġett jitwettaq bil-moħbi" - Infrastructure Malta

Read in English.

Konferenza Stampa mill-bdiewa u r-residenti ta' Ħal Qormi

LIVE MINN ĦAL QORMI: Bdiewa u residenti jiżvelaw pjanijiet moħbija ta’ Infrastracture Malta sabiex jieħdu wieħed mill-aħħar pulmuni f’Ħal Qormi – spazju ta’ iktar minn tliet grawnds tal-football magħmul minn siġar u raba maħdum.

Posted by Moviment Graffitti on Saturday, December 19, 2020

Il-bdiewa u r-residenti Qriema jinsabu rrabjati ferm minħabba proġett ieħor ta’ bini ta’ toroq, proġett ieħor deskritt mill-NGO Moviment Graffiitti bħala misterjuż imfassal mill-aġenżija statali Infrastructure Malta.

Il-proġett, flyover ġdida fil-bypass tal-Imrieħel, se jikkawża t-teħid ta’ aktar minn 20 tomna ta’ raba’ maħdum u se jeqred l-attività tal-biedja fiż-żona, sostniet l-NGO waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu li saret flimkien ma’ numru ta’ bdiewa u residenti fl-inħawi.

B’reazzjoni għal din il-konferenza tal-aħbarijiet Infrastructure Malta, permezz ta’ stqarrija qalet li l-aġenzija tiċċara li dan il-proġett għal aktar sigurtà fil-Bypass tal-Imrieħel għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar tiegħu u li ma kien hemm l-ebda tentattiv li jitwettaq bil-moħbi, hekk kif allegat.

L-NGO spjegat li t-triq li qed tiġi proposta, li l-pjanijiet għaliha mhux disponibbli fuq is-server tal-mapep tal-PA, se tkun qed tgħaddi minn medda ta’ art agrikola akbar minn tliet grawnds tal-futbol f’art ODZ. Se tkun ukoll qed taqta’ l-kundanna għall-mewt għal waħda mill-ftit meded ta’ art li fadal li jservu ta’ pulmun għal Ħal Qormi, li diġà jinsab fgat mill-ammont ta’ traffiku li jinġema’, li wassal biex kompla joħnoq iż-żona u jniġġes l-arja.

Barra minn hekk, il-flyover se twassal ukoll għall-qerda ta’ ġibjun kbir tal-ilma u għall-qlugħ ta’ numru ta’ siġar protetti taż-żebbuġ u tar-rummien, li xi wħud minnhom imorru lura għal mijiet ta’ snin, sostna l-Moviment Graffitti.

Minn naħa tagħhom il-bdiewa espremew id-dispjaċir tagħhom għall-mod kif Infrastructure Malta qabdet u ddeċidiet, mingħajr l-ebda avviż, li tieħu l-artijiet tagħhom.

❗BDIEWA U RESIDENTI QRIEMA JOPPONU PJANIJIET SIGRIETA TA’ INFRASTRUCTURE MALTA❗⚠️ Proġett miżmum fil-mistur mistenni…

Posted by Moviment Graffitti on Saturday, December 19, 2020

“Jidher li dan l-aġir sar il-mod standard kif topera l-aġenzija tat-toroq, hekk kif dan ma kienx l-ewwel proġett li nżamm mistur ’il bogħod mill-għajn u l-iskrutinju tal-pubbliku,” qalet l-NGO.

Il-bdiewa jinsabu mħassba wkoll dwar il-mod kif qed isiru dawn ix-xogħlijiet, u għamlu referenza għal esperjenzi li ġarrbu bdiewa oħra fil-pajjiż li kellhom jaffaċċjaw sitwazzjonijiet simili.

Ir-residenti wkoll wrew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li l-flyover se tkun qed teqred ukoll il-pont pedonali ġdid li jgħaqqad l-Imrieħel ma’ Ħal Qormi.

Il-pont pedonali, kien ġie propost minn Marie Louise Coleiro Preca fil-kapaċità tagħha bħala membru parlamentari dak iż-żmien, kien ġie inawgurat inqas minn sentejn ilu, bl-għan li jnaqqas in-numru ta’ inċidenti fatali fil-bypass perikoluża tal-Imrieħel. Barra minn dan, ir-residenti semmgħu t-tħassib tagħhom dwar l-integrità tat-torri storiku tal-għassa, li kien inbena matul il-ħakma tal-Granmastru Pinto, u li jmur lura madwar 500 sena.

“Nixtiequ li xi ħadd jispjegalna x’inhi l-loġika wara dan il-proġett. M’hemm xejn li se jiġi ggwadanjat fejn jidħol l-influss tat-traffiku, propju għaliex din il-flyover se toħloq bottleneck ġdid qrib ir-roundabout li tieħdok Ħal Qormi, u nissuspettaw li dan il-proġett se jsir biex iservi u jakkomoda l-iżviluppi kummerċjali fl-Imrieħel,” sostnew ir-residenti.

Kelliem għall-Moviment Graffitti kkritika l-imġiba ta’ Infrastructure Malta, u ddeskriva dan l-aġir bħala “att ta’ arroganza u bullying sfaċċat.” Il-grupp ta’ attivisti kkritika lis-CEO ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi talli “qed jimplimenta kampanja sistematika kontra l-bdiewa, u jkeċċi lill-bdiewa minn arthom stess biex ipaxxi diversi żviluppaturi u interessi kummerċjali, filwaqt li jirrikorri għat-theddid u l-gideb, manuvri tipiċi ta’ xi ħadd li għandu x’jaħbi.”

Pjan biex jonqsu l-inċidenti fil-Bypass – IM

Minn naħa tagħha Infrastructure Malta, IM, b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet, qalet li l-proġett ippjanat, li għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar, jinkludi l-bini ta’ flyover f’salib it-toroq bejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery) u Triq in-Negozju, kisra perikoluża li ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha ta’ spiss iseħħu aċċidenti serji.

Skont Infrastructure Malta dan il-proġett mhux se jsir biex il-Bypass titwessa’, tant li din se tibqa’ kif inhi llum, b’żewġ korsiji kull naħa.

Madankollu, qalet li sabiex issir il-flyover, jeħtieġ li tittieħed art addizzjonali maġenb l-istess triq. B’hekk tkun tista’ titneħħa l-kisra kerha fejn bħalissa l-karozzi jkollhom jaqsmu żewġ korsiji b’karozzi oħra ġejjin minn faċċata biex jaslu l-Imrieħel minn Triq in-Negozju.

Ser tittieħed ukoll art maġenb it-triq sabiex issir korsija għar-roti u bankina ġdida, hekk kif bħalissa m’hemmx faċilitajiet siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi f’din it-triq.  

Ingħad wkoll li dan il-proġett għal aktar sigurezza fil-Bypass tal-Imrieħel jinsab speċifikat fil-Pjan Nazzjonali għat-Trasport ta’ Malta tal-2025.

L-aġenzija qalet li s-sidien tal-artijiet li tkellmu fl-istess konferenza saru jafu bil-proġett li qed jiġi propost meta Infrastructure Malta ikkuntattjathom biex tniedi l-konsultazzjonijiet ma’ dawk kollha konċernati, sabiex tkun tista’ tiffinalizza d-disinji bl-inqas impatti negattivi possibbli. L-istess sidien tal-artijiet kienu mistiedna għal żewġ laqgħat ma’ Infrastructure Malta bħala parti minn dan il-proċess, fejn anke ngħataw kopja tal-pjanti preliminari.

Ġie spjegat li meta l-pjanti tal-proġett ikunu ġew diskussi ma’ dawk kollha konċernati, fosthom l-awtoritajiet tal-ambjent u tal-ippjanar, il-proposta finali li titressaq lill-Awtorita tal-Ippjanar għad-deċiżjoni finali tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku għal aktar konsultazzjoni, hekk kif isir normalment f’kull żvilupp ġdid.   

Il-PN jinsisti fuq konsultazzjoni qabel ma jkompli x-xogħol

Fir-reazzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista xtaq jesprimi solidarjetà mal-bdiewa li kellhom l-art mhedda mill-proġett u li ma ġewx ikkonsultati dwaru.

Fi stqarrija, id-deputati Toni Bezzina u Edwin Vassallo qalu li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni ma mien l-aktar se jintlaqat minn proġett kienet xhieda tal-inkompetenza tal-Gvern preżenti, u li ma kinitx l-ewwel darba li Infrastructure Malta ppjanat proġett ta’ dan it-tip mingħajr ma tikkonsulta ma ħadd.

“Ir-residenti u l-Kunsilli Lokali ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati fl-ippjanar tal-proġetti infrastrutturali ta’ pajjiżna,” qalu d-deputati, li appellaw biex il-Gvern ma jkomplix jaħdem fuq il-proġett qabel ma jagħmel konsultazzjoni xierqa.