Filmat: “Bdejt il-vjaġġ għall-Perù fuq vapur tal-patata”

Fr Vincent Magro, li għamel snin twal jaħdem fil-Perù ma’ bosta persuni foqra rrakkonta ma’ Newsbook.com.mt il-vjaġġ twil li għamel fuq il-baħar sabiex wasal fil-pajjiż.

Dan filwaqt li semma kif propju bħal din is-sena, 50 sena ilu bdiet il-missjoni tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl fil-Perù.

Fr Magro spjega li l-vjaġġ tiegħu beda propju fit-22 ta’ Mejju tal-1968, meta telaq minn Malta fuq vapur mimli patata għal Palermo. Minn hemm żar bosta pajjiżi u waqaf f’numru ta’ ibliet fi triqtu. Spejga li mill-Italja mexa għall-Canary Islands, qasam l-Oċean Atlantiku, il-baħar tal-Karibew u l-Kanal tal-Panama.

Minkejja li ma kienx waħdu fil-bidu ta’ din il-missjoni, Fr Magro vjaġġa fuq il-baħar waħdu minħabba li kellu miegħu kaxxi bl-affarijiet li kellhom jagħmlu użu minnhom fil-komunitajiet tal-Perù. Min-naħa l-oħra, Dun Anton Camilleri u Dun Tumas Soler ivvjaġġaw bl-ajruplan.

Fl-1910, Mons. Joseph De Piro beda s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li hija kongregazzjoni missjunarja ta’ qassisin u patrijiet Kattoliċi. Fl-1921 is-soċjetà ħadet l-ewwel approvazzjoni djoċesana. F’din is-sena nfetħet l-ewwel dar għas-soċjetà. L-ewwel missjoni barra mill-pajjiż bdiet fl-1948 f’Sydney fl-Awstralja.

Filmat: Miguela Xuereb