Filmat: “B’dak il-paniku li nqala’ ħsibt li se nbigħ il-maskli kollha”

Read in English.

Raġel li kellu stokk ta’ maskli li jintużaw minn ħaddiema f’siti ta’ kostruzzjoni qal li wara l-paniku kollu li nqala’ lbieraħ, pretenda li kien se jbigħ il-maskli kollha.

Newsbook.com.mt tkellem mar-raġel li kien qed ibigħ dawn il-maskli fl-entratura tal-Belt Valletta. Dan wara li lbieraħ, minkejja li f’Malta għad m’hawnx każi tal-coronavirus (COVID-2019), għexieren ta’ Maltin iddeċidew li jerħula lejn supermarkets u ħwienet lokali fejn għamlu xirjiet kbar biex jistokkjaw f’każ li tinqala’ xi waħda.

Intant, spiżeriji madwar Malta u Għawdex irrappurtaw li kienu qed jispiċċawlhom il-maskli tal-wiċċ u l-hand sanitisers.

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, ir-raġel qal li hu għandu ħanut tal-għodda fejn kellu stokk ta’ maskli tat-trab. Mistoqsi għaliex mar il-Belt Valletta, ir-raġel qal li għamel dan malli sema’ li ma kienx għad fadal maskli fis-suq. Qal li hu ħa l-opportunità biex ibigħhom.

Ir-raġel qal li sema li l-maskli online kienu qed jinbigħu bi prezz għoli ħafna u għalhekk u ddeċieda li jbigħ tiegħu għal ħamsa €1. Minkejja dan, hu esprima d-diżappunt tiegħu dwar il-bejgħ li rnexxielu jagħmel. Sal-ħin li kellem lil Newsbook.com.mt, persuni li daħlu l-Belt Valletta xtraw mingħandu “30 pakkett biss”.

Filmat: Miguela Xuereb
Intervista: Monique Agius