Filmat: Bastiment Taljan jinkalja f’Sardinja

Read in English.

Maltemp qawwi li laqat l-Italja wassal biex bastiment tal-merkanzija jinkalja fil-blat viċin ta’ Sant’Antioco fil-Lbiċ ta’ Sardinia lbieraħ.

Il-bastiment li huwa twil 108 metru u rreġistrat l-Italja telaq minn Cagliari lejn Spanja mgħobbi bil-kafè. Fi triqtu lejn Spanja qam baħar qawwi. Minkejja li pprova jsib refuġju huwa spiċċa fuq il-blat.

Il-Gwardja tal-Kosta Taljana mill-ewwel ippruvat tagħti l-assistenza lill-membri tal-ekwipaġġ abbord il-bastiment. Iżda ma rneccilhiex minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp. Kien biss kmieni dalgħodu li rnexxielha ssalva it-12-il membru tal-ekwipaġġ permezz ta’ ħidma mill-ajru fi tliet ħidmiet separati. It-12-il membru ttieħdu fuq l-art fejn ġew assistiti minn tim mediku.

L-awtoritajiet Taljani qed jissorveljaw is-sitwazzjoni u jassiguraw li l-bastiment jibqa’ stabbili u li ma jkunx hemm ħruġ ta’ fjuwil fil-baħar.