Filmat: Baqa’ jaħseb fl-imħabba li ħalla warajh

F'Dirgħajk - Jean Claude Vancell

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista F’DIRGĦAJK mill-kantawtur Jean Claude Vancell

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Friday, August 21, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: F’Dirgħajk

Kantanta: Jean Claude Vancell

Kliem u mużika: Jean Claude Vancell

Kulħadd għandu x-xorti li jqis persuna bħala ‘l-kenn’ tiegħu. Il-kanzunetta F’Dirgħajk ġiet miktuba meta l-awtur kien qiegħed jivvjaġġa waħdu l-Amerika u, għalkemm ra ħafna ġmiel u gawda kemm felaħ, baqa’ jaħseb fl-imħabba li ħalla warajh.

Il-moħħ, jew aħjar il-qalb, dejjem tfakkarna f’dak li tassew hu importanti f’ħajjitna. Il-maħbubin jifhmu li l-imħabba ma tarax kulur, forma, sess. Hi imparzjali. Hi l-iktar ħaġa li tagħti valur lill-ġranet tagħna. Min isib l-imħabba jħossu tassew ixxurtjat li sab il-qalb li tagħtih il-kenn li jixraqlu.

Jean Claude Vancell. Ritratt: Joseph Agius Attard

Jean Claude Vancell huwa kantawtur u producer tal-mużika minn Ħaż-Żebbuġ. Beda l-karriera mużikali tiegħu mal-kor Voices fl-2004 u ħa sehem f’diversi musicals.  Kiseb l-aħjar suċċessi tiegħu meta ħa sehem fl-edizzjoni tal-2008 tal-Kanzunetta għall-Ewropa b’Contradiction.

Iktar tard kien nominat għall-Bay Music Awards u Malta Music Awards fl-2009 għall-kanzunetta Ain’t Good Enough u baqa’ joħroġ kanzunetti fuq radjijiet lokali sal-lum.

Jean huwa midħla sew tal-kunċerti annwali Strummin’, fejn, fost l-oħrajn waqqaf il-Fondazzjoni Strummin’ flimkien ma’ sħabu fl-2019 biex jgħinu lis-soċjetà permezz tal-mużika u l-edukazzjoni.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.