Filmat: Baħar ta’ nisa kontra Trump – Madonna trid ittajjar il-White House imma tagħżel l-imħabba

Kienu żewġ miljuni u nofs, in-nies li niżlu fit-toroq tal-ibliet kapitali ewlenin biex jipprotestaw kontra l-president il-ġdid Amerikan, Donald Trump. 
F’Washington kien hemm mewġa ta’ nisa li ħarġu jipprotestaw wara li l-kelma xxerdet minn fuq Facebook, u spiċċaw biex attendew mijiet ta’ eluf ta’ nies. 
Fl-ewwel ftit sigħat tat-tmexxija tiegħu, Trump spiċċa b’eluf ta’ nisa jipprotestaw kontrih għaliex skonthom, “dan hu president li ma jirrappreżentahomx”. 
Waqt il-protesta f’Washington kontra Trump, tkellmet il-kantanta Madonna, fejn qalet li tixtieq ittajjar il-White House iżda b’dan mhu se tieħu xejn.  
Madonna, li hi magħrufa għall-karattru spontanju tagħha, tħalliet timxi mal-kurrent u waqt diskorsha spiċċat biex qalet kliem baxx, b’konsegwenza li l-istazzjonijiet Amerikani kellhom iwaqqfu x-xandira diretta. 
Skont l-organizzaturi, Womens March, għall-protesta f’Washington attendew aktar minn 500,000 persuna, b’ħafna minnhom lebsin il-lewn roża.  Iżda apparti n-nisa, kien hemm ukoll l-irġiel tagħhom, tfal u anke nanniet.