Filmat: Baġit li mhux se jonfoq aktar milli għandu – Scicluna

Read in English.

#MaltaBudget20 – B'tishih ta' Tkabbir Inklussiv biex minnu jgawdi Kulhadd

Nistiednek issegwi l-aħħar preparamenti għall- #MaltaBudget20. Baġit immirat li jsaħħaħ it-tkabbir inklussiv biex minnu jgawdi kulħadd.

Posted by Edward Scicluna on Saturday, October 12, 2019

Għada se jkun qed jitħabbar il-Baġit għas-sena 2020, li skont il-Ministru Edward Scicluna mhux se jkun qed jonfoq aktar milli għandu.

F’filmat ippubblikat mill-Ministeru għall-Finanzi, Scicluna qal li l-Baġit 2020 se jkun qed juri kif l-impenn tal-Gvern huwa li jkompli jkattar il-ġid bil-għan li joffri l-kwalità għall-familja u n-negozji. Sostna li meta jkun hemm il-ġid, igawdi kulħadd. “Il-baġit se jkompli jsostni t-tkabbir inklussiv biex b’hekk igawdi kulħadd,” temm jgħid Scicluna.

Fl-aħħar xhur, il-Ministru kellu bosta laqgħat mal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari fejn ġew diskussi l-proposti. Hu ddiskuta wkoll mat-tim ta’ professjonisti tiegħu kif il-finanzi tal-pajjiż jistgħu jiġu investiti bl-aħjar mod. Il-Ministru ltaqa’ wkoll mas-sidien tan-negozji u imprendituri, kif ukoll kellu laqgħat mal-pubbliku f’Malta u Għawdex.

Il-Ministeru ppubblika dokument ta’ qabel il-baġit fix-xhur li għaddew li kien miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika, il-Gvern nieda wkoll app fejn il-pubbliku seta’ jagħti s-suġġerimenti tiegħu. L-app Malta Budget 2020 rċeviet aktar minn 900 suġġeriment.

Propju llum, fid-diskors tiegħu tal-Ħadd, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed iżid il-pensjonijiet. Madanakollu ma speċifikax kemm se tkun kbira din iż-żieda.

Bosta għaqdiet u entitajiet jagħmlu l-proposti tagħhom

Bħal kull sena, bosta entitajiet, għaqdiet u unions għamlu l-proposti tagħhom lill-Gvern Malti.

Fost 92 proposta, il-UĦM – Voice of the Workers issuġġeriet li l-ħaddiema kollha mhux biss ikollhom kuntratt bil-miktub, imma dawn il-kuntratti jkunu uploaded fuq portal li  jitmexxa minn awtorità tal-Gvern. Minn dan il-portal wieħed jista’ jara li dak li tistabbilixxi l-liġi tax-xogħol bħala minimu fil-kundizzjonijiet, ikun rifless awtomatikament f’dawn il-kuntratti.

L-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex għamlet 34 proposta lill-Gvern għall-baġit tal-2020 fosthom talbet għal ħelikopter, airstrip u l-introduzzjoni permanenti tar-raba vapur.

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija pproponiet li l-proġett tal-mina bejn Għawdex u Malta għandu jkompli bl-iskart jintuża għat-tkabbir tal-faċilitajiet tal-irmiġġ fl-Imġarr. Proġett kapitali ieħor propost huwa dak ta’ faċilitajiet ta’ parkeġġ fir-Rabat.

Il-Fondazzjoni HELA (Hub for Excellence in the Literary Arts) qalet li għandu jingħata stipendju lill-kittieba. Fil-ħames proposti tagħha għall-baġit tal-2020, il-Fondazzjoni qalet li l-Gvern għandu jkompli jirrikonoxxi l-professjoni tal-kittieba u l-valur tas-settur letterarju għat-tisħiħ tal-kultura lokali. 

L-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF) ressqet il-proposti tagħha għall-Baġit tal-2020. Fost l-oħrajn, qed titlob għal childcare b’xejn għal tfal li jgħixu f’ambjent prekarju.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi pproponiet li jsir investiment kbir fl-Initial Reception Centre u ħeġġeġt ukoll lill-Gvern biex jinstabu akkommodazzjonijiet alternattivi għal dawk l-individwi li qed ifittxu l-ażil.

Nofs pensjoni għandha tingħata lil dawk li jibqgħu jaħdmu minkejja l-età. Din hija waħda mill-proposti tal-Assoċjazzjoni għal Min Iħaddem (MEA) għall-baġit tal-2020. L-assoċjazzjoni ħeġġet lill-Gvern sabiex jikkonsulta mal-pożizzjonijiet li ħarġet hi għal negozju sostenibbli fil-pajjiż.