Filmat: “Baġit 2021: Għajnuna se tingħata lin-negozji li għandhom bżonnha” – Scicluna

Read in English.

https://www.facebook.com/watch/live/?v=633447800524172&ref=external

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-għajnuna li se tingħata lil negozji li qed isofru minħabba l-pandemija mhux se tkun skont l-industrija, jew ibbażata fuq in-NACE tal-Unjoni Ewropea (UE). Minflok, se tingħata skont min għandu bżonnha.

In-NACE hija klassifikazzjoni bl-istatistika tal-attivitajiet ekonomiċi tal-kommunità Ewropea.

Scicluna spjega li l-għajnuna se tingħata skont fejn hemm l-iżjed bżonnha, minħabba riżorsi limitati. Infatti, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ix-xahar li għadda qal li qed jistenna defiċit ta’ €1 biljun. Sostna li waħda mill-ikbar mistoqsijiet se tkun liem benefiċċji se jibqgħu relevanti wara Ottubru, li hi d-data li ħafna miżuri jiskadu.

Huwa kien qed jitkellem waqt konsultazzjoni pubblika bi preparazzjoni għall-Baġit 2021, li saret b’mod virtwali. Hawnhekk, il-pubbliku ngħata ċ-ċans sabiex iwassal il-fehmiet u l-mistoqsijiet tiegħu.

Hu saħaq li l-Gvern mhux se jabbanduna n-negozji u jwaqqaf l-għajnuna meta l-iżjed li hemm bżonnha. Dan waqt li enfasizza li l-baġit li jmiss qed jimmira biex iżid il-konsum, u b’hekk l-ekonomija.

Barra l-pandemija, kien hemm ukoll temi bħall-pensjonijiet, l-ambjent, l-investiment f’Għawdex, il-fondi tal-Unjoni Ewropea u miżuri li jagħmluha aktar faċli sabiex in-nies isiru sidien ta’ darhom. Scicluna laqa’ s-suġġerimenti mressqa u wiegħed li dan il-baġit se jkun fih miżuri li se jkomplu jindirizzaw dawn l-oqsma.