Filmat: Baġit 2018 – “Malta b’libsa ġdida”

Fil-Baġit, li l-Gvern se jkun qiegħed iressaq għada, l-infrastruttura tal-pajjiż mistennija tingħata importanza.
F’filmat maħruġ mill-Ministeru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna jgħid li l-Gvern se jkun qiegħed iħares lejn l-isfidi tal-futur, fosthom il-propjetà, it-toroq u t-traffiku.
Iżda, fuq kollox, jidher li l-Baġit se jkun qed jagħti prijorità lill-ambjent, għax fi kliem il-Ministru Scicluna ambjent aħjar iwassal għal għajxien aħjar.
Qal li dan se jkun possibbli wara li l-Gvern għalaq kapitlu ta’ erba’ snin u li warajhom l-ekonomija “qiegħda f’livell iżjed għoli u xxamplata.”
Il-Ministru ddeskriva r-rating ta’ Malta minn għadd ta’ aġenziji tal-kreditu bħala ċertifikati għal Malta u insista li dan qed iwassal biex mhux il-pajjiż jiġri għall-investiment imma huwa l-investiment li qed jiġri wara l-pajjiż.
Fakkar li dan se jkun Baġit imressaq fi żmien li l-Gvern irreġistra surplus fil-finanzi tal-pajjiż, u għalhekk jista’ jwettaq aħjar il-miżuri tiegħu.
Il-filmat itemm jisħaq li dan se jkun Baġit li fih kull faxxa tas-soċjetà se tgawdi minn dak li jsejjaħ bħala “miraklu ekonomiku.