Filmat: Azzopardi jiġi insultat fid-Dar Ċentrali

Read in English.

Il-MP tal-PN Jason Azzopardi laqqat tgħajjir u insulti meta kien qiegħed fid-Dar Ċentrali llum.

Azzopardi laqqat it-tgħajjir meta kien dieħel għal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN illum filgħaxija. Raġel li jidher fil-filmat beda jgħajjat ma’ Azzopardi hekk kif għadda minn bieb intern li jgħati għas-sulari l-oħra tal-kwartieri ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Ir-raġel kellu jinżamm minn raġel ieħor.

Wara li Newsbook.com.mt irraporta dak li ġara, Azzopardi qal li ħadd mhu se jwaqqfu milli jagħmel dmiru fil-PN.

Naghder lil Ninu minn Haz-Zebbug li hu moghmi mill-mibgheda u gideb li sqewh dawk midhla ta’ uhud fit-Tmexxija li b’mod…

Posted by Jason Azzopardi on Tuesday, February 11, 2020

L-MPs li daħlu fid-Dar Ċentrali ma tawx kummenti lill-ġurnalisti.

Alex Perici Calascione, il-President tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, qal li fil-laqgħa tal-lejla se jiġu diskussi biss il-karigi vakanti, u l-ebda kariga oħra, li huma fid-diskrezzjoni tal-Kunsill Eżekuttiv. Dan il-kumment għaddieh waqt kollegament li għamel fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103, ippreżentat minn Jesmond Saliba.

Il-President tal-Eżekuttiv fisser li fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-Eżekuttiv li se ssir illum fis-6pm hemm il-karigi vakanti ta’ Segretarju Ġenerali, President tal-Kunsill Eżekuttiv, President tal-Kunsill Amministrattiv, Teżorier u Segretarju Internazzjonali.

Id-Deputat Mexxej tal-Partit Nazzjonalista uxxenti, Robert Arrigo, qal li mhux interessat ikun parti mill-Partit Nazzjonalista, la fil-preżent u lanqas fil-futur.

Filmati: Miguela Xuereb