Filmat: Avveniment mhux kompetittiv fit-trakka ta’ Ħal Far

Read in English.

Nhar is-Sibt u l-Ħadd, l-24 u l-25 ta’ Ottubru 360 Motorsport b’kollaborazzjoni mal-Malta Drag Racing Association organizzat track day ġewwa it-trakka ta Ħal Far.

Dan l-avveniment kien maħsub biex iġib lura ħafna sewwieqa għat-tlielaq f’avveniment mhux kompetittiv. Wara xhur mingħajr motorsport minħabba s-sitwazzjoni attwali, madwar 70 sewwieq matul il-jumejn ħadu din l-opportunità. L-avveniment kien miftuħ għal kull min għandu liċenzja tas-sewqan tat-triq valida. Dan offra l-opportunità lil ħafna iktar sewwieqa biex jaraw il-ħiliet tagħhom fil-motorsport kmieni kemm jista’ jkun, jidħlu sewwieqa ġodda fix-xena bil-għan li wara jippruvaw dixxiplini oħra tal-motorsport.

Jeffrey Shaw, f’isem il-Malta Drag Racing Association qal, “Ħadt gost ħafna, meta rajt lis-sewwieqa kollha, dawk regolari u oħrajn ġodda fuq il-post joħorġu mill-karozza tagħhom bi tbissima kbira.”

Shaw u l-Malta Drag Racing Association diġà qed jippjanaw l-avveniment li jmiss bid-dati imsemmija s’issa huma s-7 u t-8 ta’ Diċembru, madankollu huwa rrakkomandat li kull dawk interessati għandhom jżomm għajnejhom fuq il-midja soċjali tal-Malta Drag Racing Association billi dawn id-dati jaf jinbidlu kif ukoll jingħataw struzzjonijiet partikolari.

Dan l-avveniment sar taħt restrizzjonijiet stretti minħabba Covid19, mingħajr spettaturi, kif se jerġa’ jiġri fl-avveniment li jmiss.

Dan it-tagħrif twassal minn Motorsmt. Filmat: DLP Automotive.