Filmat: Attivisti jwaqqfuh qabel kunċert, jiddedika l-aħħar silta lil Daphne

It-tenur Malti, Joseph Calleja, offra l-aħħar aria li kanta f’kunċert ta’ Henley & Partners, it-talba mir-Requiem ta’ Verdi, lill-ġurnalista maqtula, Daphne Caruana Galizia.
Dan qalu b’post fuq Facebook, filwaqt li żied jgħid li l-flus li tħallas inqasmu minn tnejn, parti sejra lill-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja, u oħra lill-Monasteru Karmelitan Ommna Alla, mossa li qal kien diġà jaf biha l-Arċisqof Charles Scicluna.
Dan kollu seħħ ilbieraħ f’Londra, wara li qabel ma daħal għall-kunċert, Calleja kien imwaqqaf minn għadd ta’ attivisti, uħud minnhom lebsin maskla ta' wiċċ il-Prim Ministru Joseph Muscat, li staqsewh huwiex iħaddan lil Henley & Partners billi aċċetta li jkanta f’kunċert tagħhom.
L-attivisti fakkruh li l-kumpanija li tamministra l-bejgħ taċ-ċittadinanza b’investiment kienet fil-passatt wissiet lill-ġurnalista maqtula li se jiftħu kawża fil-konfront tagħha biex jagħtuha daqqa ta’ ħarta finanzjarjament.

Calleja wieġeb li hu kien qiegħed hemm bħala ambaxxatur kulturali għal Malta, u żied jgħid li għalkemm qatt ma qabel ma’ dak li kienet tikteb Caruana Galizia, ikkundanna l-qtil barbaru tagħha.
Għall-kunċert kien se jkun hemm ukoll il-Prim Ministru, u meta l-attivisti qalulu biex wara jġib miegħu, fi kliemhom, “lill-Prim Ministru tiegħek”, Calleja qal li huwa wkoll “il-Prim Ministru tagħhom”.
Calleja sostna li mhuwiex iħossu li qed jagħmel xi ħaġa ħażina, u dan l-impenn kien diġà qiegħdu żmien qabel ma seħħ il-qtil u, kif iddeskrivih, “dal-ġenn kollu”.
Irrimarka li meta kanta fil-Commonwealth sentejn ilu, quddiemu kellu ħafna dittaturi u qattiela, u għalkemm kien qiegħed hemm kontra r-rieda ta’ ħbiebu l-pariri tal-avukati tiegħu, enfasizza li xorta sejjer għax qal li mhuwiex ambaxxatur kulturali meta jidhirlu biss.
Għall-mistoqsija kemm se jitħallas għall-kunċert, Calleja ma weġibx.
Ritratt: Joseph Calleja (Facebook)