Filmat: Attivisti jinterrompu wirja tad-dniefel f’Baħar iċ-Ċagħaq

Attivisti favur il-ħarsien tal-annimali interrompew wirja tad-dniefel f’marine park f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Fi stqarrija l-attivisti li huma Ġermaniżi qalu li għamlu dan illum. Qalu li s-serata waqfet “għal diversi minuti”. Huma ħarġu xi strixxuni biex jipprotestaw għaż-żamma tad-dniefel għar-rekreazzjoni.

Il-fundatur ta’ Save the Ocean Jörn Kriebel qal li permezz ta’ din l-azzjoni xtaqu jqajmu aktar kuxjenza dwar dak li jgħaddu minnu d-dniefel. “Il-viżitaturi jistgħu jmorru d-dar wara l-wirja, id-dniefel ma jistgħux” qal l-attivist.

L-attivisti qalu li l-park inkwistjoni ma jipprovdix ambjent adegwat għad-dniefel u allegaw li tmien dniefel mietu f’dak il-post. L-attivisti pproponew li l-operatur għandu jibni santwarju għad-dniefel. Qalu li 60 minn 90 tad-dolphinariums fil-Punent tal-Ewropa diġà ingħalqu għaliex m’għadhomx aċċettati.

Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lill-istabbiliment konċernat.