Filmat: Wara l-azzjoni tal-attivisti, diferita deċiżjoni tal-PA

Wara l-azzjoni ta’ attivisti waqt laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Bord iddeċieda li jipposponi d-deċiżjoni minħabba li r-riżultat tal-vot tal-lum kien maqsum.
Membri mill-Moviment Graffitti u l-grupp Kamp Emerġenza Ambjent daħlu fl-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) b’kartelluni f’idejhom kontra l-qerda tal-ambjent u l-permessi waħda f’waħda għall-pompi tal-petrol fuq art ODZ.
Dan wassal biex il-laqgħa ġiet sospiża għal ftit.
L-attivisti daħlu waqt laqgħa li fiha l-PA kienet qed tiddiskuti pompa tal-petrol oħra f’Ħal Luqa, kbira 3,000 metru kwadru, qrib il-bini tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Id-direttorat tal-PA kien diġà rrakkomanda li dil-proposta tiġi aċċettata.
Uħud mill-attivisti għaddew il-messaġġ tagħhom anki bil-fomm, ta’ dak il-ħin, u fost l-oħrajn talbu li tiġi rriveduta l-politika dwar il-pompi tal-petrol.
Il-Pulizija waslu ftit tal-ħin wara u talbuhom joħorġu bil-kwiet mill-binja, iżda l-attivisti ma ħarġux.
Sospiża l-laqgħa; tkompli f’kamra oħra
Fi stqarrija, l-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-attivisti talbu li l-Bord jieqaf jiddiskuti l-applikazzjoni għall-bini ta’ pompa tal-petrol.
Il-laqgħa kellha tiġi sospiża minħabba li ċ-Ċermen Vincent Cassar ra li ma setax ikompli. Skont l-Awtorità, il-laqgħa kopliet f’kamra oħra fejn l-attivisti tħallew jidħlu biss bil-kundizzjoni li rappreżentat wieħed iressaq l-ilmenti tagħhom. L-istqarrija tkompli tgħid li l-grupp irrifjuta din il-proposta għax qal li l-għan tiegħu hu li jwaqqaf il-laqgħa.

Fi stqarrija l-Moviment Graffitti qal li bħalissa hemm 14-il applikazzjoni għall-hekk imsejħa “pompi tal-petrol” fuq art ODZ, b’4 minnhom diġà approvati.
“Kieku b’kollox dawn jieħdu spazju li huwa ikbar mill-Fosos tal-Furjana għal ħames darbiet. Aħna nemmnu li l-qerda ta’ din l-art kollha naturali jew agrikola għal proġetti enormi bħal dawn li jinkludu pompi tal-petrol, f’pajjiż fejn hemm l-akbar konċentrazzjoni ta’ bini fl-UE, huwa ġenn u għandha tieqaf immedjatament”, sostna l-grupp.
It-talba tal-attivisti kienet li tiġi riveduta l-Politika dwar il-Pompi tal-Petrol, messaġġ li kien għaddieh ukoll il-Ministru għall-Ambjent f’Jannar li għadda, meta talab lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex tipproponi t-tibdil li hemm bżonn f’dil-liġi tal-2015.
Fost l-oħrajn dil-liġi tippermetti pompi tal-petrol fuq art mhux għall-iżvilupp, sabiex jitneħħew pompi minn żoni urbani.
Iżda l-Graffitti fi stqarrija qalu li l-PA qed tuża din l-iskuża biex tħaxxen il-bwiet t’erba’ min-nies.
Filwaqt li ddeskrivw lill-PA bħala gaffa tordom l-interessi tal-poplu, irrimarkaw li minkejja li ċ-Ċerpersin tal-ERA u rappreżentanti tal-NGOs opponew dal-proġetti, il-PA mhix tagħti kashom.
"Għamlu sewwa li protestaw waqt il-laqgħa" – Alternattiva Demokratika
Sadanittant, l-Alternattiva Demokratika qalet fi stqarrija li dawn l-attivisti għamlu sewwa li pprotestaw b'dal-mod.
"Il-permessi għall-pompi tal-petrol ħerġin bħall-pastizzi. M'għandhiex bżonn pompi tal-petrol ġodda. Li għandna bżonn u li jibdew jagħlqu dawk li hawn mhux li jiftħu l-ġodda", qal iċ-Ċerpersin tal-AD, Carmel Cacopardo.
Barra minn hekk fakkar li xi xhur ilu l-Prim Ministru, Joseph Muscat,  kien iddikjara li l-Gvern jaqbel li jispiċċaw mit-toroq Maltin karozzi li jaħdmu bil-petrol u bid-diżil u li fil-futur il-karozzi kollha jkunu jaħdmu preferibilment bl-elettriku. Allura jistaqsi x'użu għandhom dawn il-pompi kollha tal-petrol?
"Il-politika li biha l-permessi għall-pompi tal-petrol ħerġin bħall-pastizzi hi għodda għall-ispekulazzjoni tal-art, u l-Awtoritá tal-Ippjanar flimkien mal-Gvern u l-Oppożizzjoni huma kompliċi f’din l-ispekulazzjoni", temm jgħid fi stqarrija qasira.
"Il-liġi għandha tkun applikata għal kulħadd" – MDA
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) ikkundannat l-aġir tal-attivisti u sostnit li problemi bħal dan m'għandhomx iwasslu sabiex tittieħed azzjoni illegali kontra l-Awtorità.
Fi stqarrija, l-MDA fakkret ukoll li qatt ma kienet qablet mal-politika tal-pompi tal-petrol fiż-żmien li kienet miftuħa għal konsultazzjoni pubblika, għaldaqstant sostniet li wieħed irid ukoll jikkonsidra d-drittijiet ta’ min ikun investa u applika skond policies viġenti biex ma ssirx diskriminazzjoni u inġustizzja kontrih.