Filmat: Attivisti jagħmlu lejl jipproteġu l-mafkar ta’ Daphne fil-Belt

Read in English.

Numru ta’ attivisti ddeċidew li jqattgħu l-lejl tagħhom quddiem il-mafkar tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia faċċata tal-Qorti fil-Belt Valletta sabiex jassiguraw li dan ma jiżżarmax.

Bosta mill-attivisti, fosthom Cami Appelgren, li kkontestat l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li għadda, tellgħu filmati fuq Twitter tal-ġemgħa ta’ attivisti. L-attivisti bdew jinġabru għall-ħabta tas-7pm u baqgħu hemm matul il-lejl.

Il-monument tal-Assedju l-Kbir li jinsab quddiem il-bini tal-Qorti ilu għal dawn l-aħħar sentejn iservi bħala punt ta’ referenza għall-attivisti li qiegħdin isejħu għall-verità u ġustizzja fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia. Kull 16 tax-xahar, il-gruppi Occupy Justice u Repubblika jorganizzaw velja fejn il-monument biex ifakkru lill-awtoritajiet biex isir ġustizzja ma’ Daphne u l-familja tagħha.

Fi tweet għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Appelgren staqsiet lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jekk nesiex jordna t-tindif tal-mafkar matul il-lejl li għadda. Fil-passat kien ħareġ li d-Dipartiment tal-Indafa Pubblika kien qed isegwi struzzjonijiet li ta hu sabiex il-mafkar jitneħħa minn mad-dawra tal-monument tard matul il-lejl, ftit tas-sigħat wara li jkunu intemmew id-dimostrazzjonijiet.

Appelgren sostniet li tinsab kuntenta ferm li l-mafkar baqa’ mhux mittiefes. Hi rrimarkat li dan messu tħalla hekk għal dawn l-aħħar sentejn. Hi staqsiet jekk hemmx bżonn li l-attivisti joqgħodu gwardja miegħu kull lejl sabiex dan ma jiżżarmax mill-awtoritajiet.

Dan il-pass tal-attivisti ġie propju wara li lbieraħ, ħaddiema tal-Gvern reġgħu għal darboħra nqabdu jneħħu fjuri, xemgħat u ritratti tal-ġurnalista mill-mafkar fil-Belt Valletta. Il-filmati nġibdu minn grupp ta’ ġurnalisti barranin li jinsabu Malta jirrappurtaw is-sitwazzjoni politika li żvolġiet fl-aħħar ġimgħat wara dak żvelat dwar l-investigazzjoni li għaddejja fl-assassinju tal-ġurnalista Maltija. Huma staqsew lill-ħaddiema minn qabbadhom jagħmlu dan ix-xogħol. Wieħed mill-ħaddiema qal li din kienet “ordni minn fuq”. Il-Ministru għal Ġustizzja Owen Bonnici huwa politikament responsabbli minn dan id-dipartiment.