Filmat: Assassinju DCG: Joseph Muscat iwieġeb fuq CNN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li assolutament mhu se jkun hemm l-ebda immunità għal ħadd u li se jassigura li malajr kemm jista’ jkun issir ġustizzja ma’ min għamel l-att barbariku: l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’intervista mxandra llejla fuq CNN, mill-ġurnalista Christiane Amanpour dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia, il-Prim Ministru enfassiza li f’Malta tirrenja s-Saltna tad-Dritt.

Mistoqsi dwar dak li kiteb fuq Facebook iben il-ġurnalista, Matthew Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li jifhmu għax kieku kien hu fl-istess sitwazzjoni, żgur li kien se jirreaġixxi agħar.
Amanpour staqsietu wkoll dwar il-fatt li l-ġurnalista nqatlet nofsiegħa wara li ppubblikat artiklu fuq is-sit tagħha, b’allegazzjonijiet ta’ kriminalità għaċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri.
L-aħħar kliem fil-blogg ta’ DCG kienu li “l-kriminali sirt issibhom kull fejn tħares. Is-sitwazzjoni hija ta’ disprament”.
Joseph Muscat qal li mhux ġust li l-qtil tagħha jiġi relatat mal-aħħar blogg tagħha. Spjega li m'hemmx dubju li DCG kienet fil-mira tal-attakk. Iddeskriva dak li seħħ bħala "biċċa xogħol professjonali ħafna".
Amanpour fakkret li l-ġurnalista maqtula kienet qajmet allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni u li din kienet ir-raġuni għaliex l-elezzjoni ġenerali saret sena kmieni. Żiedet tgħid li dan il-każ ifakkar kemm hi perikoluża d-dinja tal-ġurnaliżmu investigattiv.
Min-naħa tiegħu, Joseph Muscat qal li DCG kienet kritika ħarxa tiegħu. Madanakollu rrifjuta l-idea li l-Gvern Malti kellu x'jaqsam ma' dan u saħaq li jrid jassigura li kulħadd għandu d-dritt li jikteb u jgħid li jrid.
Dwar kif seħħ ir-reat, il-Prim Ministru wieġeb li għadu prematur li wieħed jgħid min, il-mottiv jew kif splodiet il-karozza.
Christiane Amanpour iddeskriviet lil Daphne Caruana Galizia bħala l-ġurnalista, li flimkien ma’ ġurnalisti oħra madwar id-dinja kixfet il-Panama Papers fl-2016.